Coronavirus Lokali

Sa fl-aħħar tħallew jinżlu Malta

Iż-żewġ anzjani Maltin ta’ 70 sena, li ilhom jivvjaġġaw abbord il-bastiment CMV Colombus mill-25 ta’ Frar li għadda sa fl-aħħar, tħallew jinżlu Malta.

Dan wara ħidma ta’ membri abbord il-Pilot Boat Foxtrot li ħarġet 13-il mil barra mill-gżejjer Maltin sabiex iġibu lura lejn pajjiżna lil Marthese Bonello u Joseph Mercieca.

Iż-żewġ anzjani, ibatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi u għalhekk huma vulnerabbli.

Iż-żewġ Maltin se jinżammu fi kwarantina obbligatorja.

Huma rringrazzjaw lill-mezzi tax-xandir f’Malta li wasslu l-messaġġ taghhom, u li bla dubju għen biex finalment jiġu lura f’darhom.

Filfatt, fl-aħħar jiem Marthese u Joseph tkellmu b’mod esklussiv ma’ NET NEWS waqt li kienu għadhom fuq il-cruiseliner. Huma kienu spjegatw kif kien ilhom Sydney minn nofs Frar biex żaru qariba tal-familja… u sa dak iż-żmien, il-pariri li kellhom kienu li kollox kien sigur:

Wara ħmistax iżuru l-Awstralja u l-gżejjer tal-madwar, mill-14 ta’ Marzu, il-cruiseliner ma tħalliex jidħol f’ebda port.

Abbord il-cruise hemm mad-900 persuna, u ħadd minnhom mhu pożittiv bil-Covid-19.

Joseph u Marthese kienu ilhom iktar minn ġimgħa li għamlu talba biex jitniżżlu Malta wara li skoprew li se jieqaf qrib il-kosta taghna biex jingħata l-fuel. Issa, il-bastiment kompla bil-vjagg tieghu lejn ir-Renju Unit.