Lokali

Sena mill-qtil ta’ Lassana Cisse

Is-6 t’April tal-2019 … fis-satra tal-lejl … sparaturi f’Ħal Far.

Tliet immigrant instabu mixħuta fl-art … wieħed minnhom Lassana Cisse, bla ħajja … maqtul minn xi ħadd li sparalu. Il-vittma kien missier ta’ tliet itfal mill-Kosta tal-Ivorju u kellu 42 sena.

Aħbar kerha li ħasdet pajjiż sħiħ; qtil razzista; aħbar li kienet rappurtat anke fil-media internazzjonali.

L-akkużati Francesco Fenech ta’ 21 sena u Lorin Scicluna ta’ 22 sena… dak iż-żmien kienu jiffurmaw parti mill-Forzi Armati ta’ Malta.

Għaddiet sena minn dan l-episodju …

Numru kbir ta’ seduti fil-qorti, numru kbir ta’ xhieda, numru ta’ allegazzjonijiet, investigazzjoni … kollox  wassal biex iż-żewġ suldati mixlijin bil-qtil, fis-16 ta’ Diċembru ngħataw il-libertà proviżorja.

Il-katavru ta’ Lassane Cisse kien rrilaxxat fis-16 ta’ Jannar sabiex ikun jista’ jingħata d-difna li jixraqlu, u ittieħed lura pajjiżu fejn ingħata l-aħħar tislima.

Ġurnata qabel, l-arma li allegatament intużat fil-qtil intbgħatet l-Olanda għat-testijiet ballistiċi.

S’issa l-ebda riżultat jew xaqq ta’ dawl fuq x’ġara eżatt sena ilu.

Lorin Scicluna u Francesco Fenech kienu ngħataw il-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €30,000, u garanzija personali ta’ €20,000 u bil-patt u l-kundizzjoni li jkunu d-dar kuljum bejn is-7pm u s-6am. U gew ordnati jiffirmaw fl-Għassa tal-Pulizija kuljum.