Għawdex Lokali

Triq Gorf fix-Xagħra Għawdex u s-servizz tad-drenaġġ li ma sarx

Fid-dawl tal-ftaħir tal-Ministru għal Ghawdex Clint Camilleri fil-jiem li għaddew dwar l-asfaltar ta’ Triq Gorf fix-Xagħra Għawdex, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista turi solidarjetà mar-residenti ta’ din it-triq. Dan għaliex minkejja t-talbiet kollha li saru, l-Gvern Laburista u partikolarment il-Ministeru għal Għawdex baqa’ għaddej bl-asfaltar ta’ din it-triq mingħajr ma ra li jiġi mgħoddi s-servizz tad-drenaġġ. Hekk kif ġew quddiem il-kwistjoni, l-Ministru għal Għawdex preċedenti Justyne Caruana u dak preżenti, Clint Camilleri għażlu li jaħarbu mis-sitwazzjoni flok li jsibu soluzzjoni kif inhu dmirhom.

Fi stqarrija maħruġa mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar Għawdex u r-Riforma Kostituzzjonali Chris Said, mid-Deputat Whip Fredrick AzzopardiDeputat u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar, il-PN saħaq li hu veru li l-kwistjoni mhix ħafifa biex tissolva, iżda hu daqstant ieħor veru li fis-sena 2020, l-Gvern Laburista ma jistax jippermetti li ċ-ċittadini ta’ dak li fi kliemu stess għandu l-għan li jsir l-aqwa pajjiż fl-Ewropa, jibqgħu f’sitwazzjoni fejn id-drenaġġ jintefa’ fil-fosos, bl-inkonvenjent tal-irwejjaħ, ħmieġ u l-bżonn li dawn il-fosos ikollhom jiġu mbattla ta’ spiss. Inkwetanti hu l-mod kif l-imsemmija Ministri mhux biss ma semgħux lir-residenti li saħansitra ppreżentawlhom petizjoni, iżda għamluha ċara li anqas mhu qed jikkunsidraw aktar il-kwistjoni u li mhux se jiltaqgħu magħhom.

Dan kollu f’wiċċ il-ftaħir kollu tal-Gvern Laburista li jgħid li hu gvern li jisma! Inkwetanti hu wkoll is-silenzju assolut tal-Kunsill Laburista fix-Xagħra li baxxa rasu għall-pożizzjoni żbaljata meħuda mill-Ministeru għal Għawdex u ġie jaqa’ u jqum mir-residenti ta’ Triq Gorf li suppost jirrapreżenta.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tiddeplora dan l-aġir irresponsabbli  u arroganti tal-Gvern Laburista  u tal-Kunsill Laburista tax-Xagħra u filwaqt li se tkompli tagħmel il-pressjoni kollha biex Triq Gorf u toroq oħra minsija bħalha jingħataw is-servizz tad-drenaġġ, tintrabat li Gvern futur immexxi minnha jindirizza l-kwistjoni u jara li servizz tad-drenaġġ ikun provdut liċ-ċittadini kollha.