Coronavirus Lokali

Viżjoni ċara għal Malta waqt u appena tgħaddi l-COVID-19

Madwar ġimgħatejn ilu, il-Gvern ħabbar t-tielet pakkett finanzjarju marbut mal-Coronavirus wara kritika qawwija fil-konfront tal-ewwel u t-tieni pakket u minkejja li l-aħħar pakket sejjaħlu agressiv, nesa aktar minn 110,000 ħaddiem. Sal-lum għadna ma smajna bl-ebda għajnuna oħra.

Min-naħa l-oħra l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tkun proattiva bi proposti costed u konkreti għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin fid-dawl ta’ kriżi li qed tolqot lil kulħadd.

Dikjarazzjoni mill-Kap tal-PN Adrian Delia fid-dawl tar-responsabbiltajiet il-godda li inghata l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista – partit li għandu viżjoni ċara biex Malta tqum fuq saqajha appena tgħaddi l-pandemija tal-COVID-19.

Waqt din il-konferenza tal-aħbarijiet għamlu l-intervent tagħhom, il-Viċi Kapijiet tal-Partit Nazzjonalista, il-President tal-Eżekuttiv kif ukoll s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.

David Agius minn naha tieghu qal li l-Oppożizzjoni qed tindirizza affarijiet li l-Gvern qatt ma ta każ filwaqt li saħaq li l-PN se jaċċerta li l-akbar problemi jsiru prijorità. Hu qal li l-PN mhu se jħalli lil ħadd jinqata’ lura.

Robert Arrigo qal li sa xahar ilu konna qed ngħixu f’dinja differenti u issa kulħadd beda jħoss id-daqqa li ġabet magħha l-imxija tal-Coronavirus. Hu qal li l-PN se jkompli jiddjaloga ma’ kull settur biex ikun aċċertat ġejjieni b’saħħtu għal kulħadd.

Alex Perici Calascione insista illi f’dan il-mument kritiku l-PN, b’għarfien sħiħ tar-responsabiltà tiegħu, qed jiffoka b’mod ċar fuq it-tisħiħ tad-demokrazija f’pajjizna.

Francis Zammit Dimech qal li l-kriżi tal-COVID-19 se ġġib magħha prijoritajiet, opportunitajiet u sfidi li għalihom il-PN diġa huwa lest. Hu qal li l-partit se jibqa’ jħares lejn il-bniedem bħala ċ-ċentru tal-politka tiegħu u se jkompli jkun il-vuċi ta’ kull ċittadin.

Din il-konferenza tal-aħbarijiet li twasslet mid-Dar Ċenrali tal-Partit Nazzjonalista kien preżentata fuq pjattaforma digitali sabiex titħares is-sahha u s-sigurta’ tal-ġurnalisti.