7 TA’ APRIL 1991
Bħal-lum 29 sena, Ħamrun Spartans iċċelebraw ir-rebħ tas-seba’ u l-aħħar kampjonat mirbuħ minnhom sa issa. Fl-Istadium Nazzjonali huma għelbu lil Rabat Ajax 3-2 fl-aħħar logħba biex anki rritornaw għar-rebħ wara li fit-tliet logħbiet ta’ qabel kisbu biss punt.
Ħamrun fetħu l-iskor fid-19-il minuta meta d-difensur Rabti Scerri biegħed b’idejh fil-kaxxa daqqa ta’ ras ta’ Emmanuel Brincat. Mill-penalty inkariga ruħu l-gowlkiper IAN LEIGH li għeleb lil Arnautovic. L-iskor sar 2-0 fit-28 minuta b’xutt għar-rokna ta’ NOEL FENECH wara azzjoni bejn diversi plejers.

Rabat ippruvaw joħolqu reazzjoni u fid-39 minuta rebħu penalty wara li xutt ta’ Cutajar ħabat ma’ id Grech fil-kaxxa. Mill-11-il metru RONALD SCERRI bagħat lil Leigh in-naħa l-oħra tal-ballu u naqqas id-distakk. Ir-Rabtin ġabu d-draw fis-70 minuta b’xutt ta’ EDMOND CARUANA wara li Leigh kien salva parzjalment ix-xutt b’saħħtu ta’ Cutajar.

Madankollu ħames minuti biss wara, ir-referee Victor Mintoff ordna t-tielet penalty tal-logħba wara li ġġudika li Degabriele żamm il-ballun b’idu f’taħwida quddiem il-lasta Rabtija. Għal darba oħra reġa’ kien IAN LEIGH li nkariga ruħu mill-penalty u skorja dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa.

Mat-tisfira finali, diversi partitarji ta’ Ħamrun Spartans qabżu fil-pitch biex jifirħu mal-eroj tagħhom. Wara, il-President tal-MFA ta’ dak iż-żmien George Abela ppreżenta t-trofew lill-captain Ħamruniż Michael Degiorgio. Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamrun bdew qabel il-logħba, b’varjetà fil-ħin tal-mistrieħ u komplew fit-toroq tal-Ħamrun sa filgħaxija.
