Internazzjonali

Awstralja: Titwaqqa l-kundanna tal-Kardinal George Pell, eks Teżorier tal-Vatikan

Il-Kardinal Awstraljan George Pell inħeles mill-ħabs wara li l-Ogħla Qorti tal-Awstralja waqqgħet il-kundanna tiegħu dwar abbuż sesswali tal-minorenni.

L-eks Teżorier tal-Vatikan, li għandu 78 sena, kien l-aktar personalità Kattolika għolja li qatt weħel il-ħabs għal dawn ir-reati.

Fl-2018, ġurija ddeċidiet li Pell kien abbuża żewġ subien f’Melbourne matul is-snin disgħin – iżda l-Ogħla Qorti tal-Awstralja, fl-aħħar sigħat, annullat il-verdett, bir-riżultat li s-sentenza ta’ sitt snin tal-Kardinal intemmet b’mod immedjat.

Il-Kardinal Pell dejjem insista li hu innoċenti mir-reat mindu l-pulizija ressqulu l-akkużi speċifiċi f’Ġunju tal-2017.

Il-każ ta’ Pell kien heżżeż lill-Knisja Kattolika, peress li l-Kardinal kien wieħed mill-akbar konsulenti tal-Papa.

Fl-aħħar sigħat, seba’ maġistrati ddeċidew b’mod unanimu favur il-Kardinal Pell, wara li sabu li l-ġurija ma kkunsidratx b’mod xieraq il-provi kollha preżentati waqt il-proċess.

Dan, fil-fatt, kien l-aħħar tentattiv legali li seta’ iressaq il-Kardinal biex jaqleb is-sentenza, wara li l-kundanna kienet ikkonfermata minn qorti oħra matul is-sena li għaddiet.

Fl-ewwel stqarrija wara li nħeles mill-ħabs, il-Kardinal Pell, li serva ‘il fuq minn 400 jum tas-sentenza, qal li hu dejjem insista, b’mod konsistenti, li hu innoċenti fid-dawl tal-akkużi ‘filwaqt li kellu jsofri inġustizzja għal dan iż-żmien kollu’.

Wara li nħeles mill-ħabs ta’ Barwon, fl-Istat ta’ Victoria, il-Kardinal Pell ittieħed bil-karozza lejn monasteru tal-Karmelitani, f’Melbourne.