Internazzjonali

Coronavirus… Aktar aġġornamenti

Renju Unit: Il-politiku veteran u Ministru mal-Uffiċċju tal-Kabinett, Michael Gove, qed jgħix f’iżolament fid-dar tiegħu wara li membru ta’ familtu bdiet turi s-sintomi tal-coronavirus. Gove – li hu involut sew fil-koordinazzjoni tal-ħidma tal-Gvern — se jkun qed jaqdi d-doveri bil-mezzi diġitali, bir-rwol tiegħu isir aktar importanti minħabba li  l-Prim Ministru Boris Johnson qed jirkupra mill-effetti tal-Covid-19 fl-isptar. L-aħħar rapporti, intant, qalu li Johnson qiegħed stabbli u li ma nstabx li qed ibati minn pneumonia.

Ġappun: Il-Prim Ministru tal-Ġappun, Shinzo Abe, iddikjara stat ta’ emerġenza fil-belt kapitali ta’ Tokjo, kif ukoll f’Osaka u f’ħames distretti oħra tal-pajjiż. L-istat tal-emerġenza jsir effettiv millum u mistenni jdum għaddej għal xahar. Il-Gvernaturi tar-reġjuni u distretti se jkunu jistgħu jagħlqu l-iskejjel u l-ħwienet iżda l-awtoritajiet mhux se jkollhom il-poter biex jordnaw liċ-ċittadini biex ma joħorġux minn djarhom.

Italja: Il-Prim Ministru Taljan, Giuseppe Conte, żvela fond ta’ emerġenza ta’ 400 biljun ewro biex jgħin lin-negozji li qegħdin ‘jegħrqu’ fil-kriżi ekonomika dovuta għall-coronavirus. Dan meta l-Italja tibqa’ l-agħar pajjiż affettwat f’termini ta’ imwiet mill-marda qattiela.

Urugwaj: Bastiment ieħor tal-cruises spiċċa fl-eqqel ta’ din il-pandemija…F’dan il-każ, il-bastiment Awstraljan ‘Greg Mortimer’ , li kien qed jirritorna minn vjaġġ sal-Antartika, spiċċa ‘il hinn mill-kosta tal-Urugwaj, b’aktar minn 80 persuna abbord jittestjaw pożittiv għall-Covid-19. L-ammont hu kważi n-nofs ta’ madwar 200 persuna – passiġġieri u ekwipaġġ – li kienu bdew il-vjaġġ fil-15 ta’ Marzu.

Żvizzera: L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), li għandha l-kwartieri fil-limiti ta’ Ġinevra, ħeġġet biex il-pajjiżi u r-reġjuni joqgħodu attenti għal kif ‘inaqqsu l-miżuri u l-prekawzjonijiet’ fil-kampanji kontra l-coronavirus. Għalkemm il-WHO ma għandhiex rakkomandazzjoni speċifika u ‘kollettiva’ għall-pajjiżi, hi qed tibgħat messaġġ biex il-miżuri ma jitneħħewx malajr wisq, minħabba s-sogru ta’ spinta ġdida potenzjali fl-ammont tal-infezzjonijiet, fost ‘id-diversi kumplikazzjonijiet’.