Coronavirus Lokali

52 każ ġdid f’Malta

“Kulħadd joħroġ biss għal bżonn” – Konfermat l-ewwel każ f’Dar tal-Anzjani

F’pajjiżna l-każi pożittivi fl-aħħar 24 siegħa kienu 52 – sabiex l-ammont totali laħaq 293, bl-akbar żieda wara xahar eżatt minn mindu feġġ l-ewwel każ.

Dan ħabbru d-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne f’konferenza tal-aħbarijiet fejn spjega li 48 każ huma f’Malta filwaqt li 4 oħra f’Għawdex.

Chris Fearne sostna li l-Awtoritajiet tas-Saħħa kienu qed jistennew dawn l-ammonti u spjega li qed jitwettaq contact tracing ta’ dawn il-persuni. Huwa spjega wkoll li fost dawn it-52 każ m’hemm l-ebda wieħed minnhom relatat maċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far iżda ma eskludix li l-każijiet f’dan iċ-Ċentru jiżdiedu.

Il-Ministru għas-Saħħa saħaq li fl-aħħar 24 siegħa twettaq mat-800 swab u l-għan huwa li jintlaħqu l-elf swab kuljum.

Chris Fearne enfasizza li l-każijiet ser jibdew jitilgħu aktar – u sabiex jipproteġi l-ħaddiema fil-qasam mediku, mod speċjali l-frontliners, ġew mnedija żewġ helplines dedikati speċjalment għalihom. Dawk li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar ta’ Boffa għandhom iċemplu fuq 25451111 filwaqt li ‘l bqija għandhom iċemplu fuq 23645002.

“Jekk tista’ taħdem mid-dar, aħdem mid-dar”

Huwa saħaq li kollha kemm aħna, kull Malti u Għawdxi, għandu jagħmel is-sehem tiegħu u għaldaqstant għandhom isegwu dak kollu li tindikalhom is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika. Huwa appella sabiex il-ħaddiema jibqgħu d-dar u kemm jista jkun l-impjegati jaħdmu fuq bażi ta’ telework. Chris Fearne saħaq li kemm jista jkun in-nies jaħdmu mid-dar, jaħdmu mid-dar. Reġa’ appella sabiex min m’għandux għalfejn joħroġ jibqa’ ġewwa.

Dan filwaqt li ġie spjegat li fabbrika Maltija waqfet il-produzzjonijiet tagħha li normalment twettaq u bdiet toħloq visors ta’ protezzjoni għall-mediċi. Chris Fearne spjega wkoll li fil-jiem li ġejjin ser toħroġ sejħa għal voluntiera li b’xi mod jew ieħor jistgħu jgħinu.

Tħabbar ukoll helpline għal dawk li qed isofru minn ansjetà u problemi ta’ saħħa mentali – in-numru huwa 1770 miftuħ mit-8.00am sa 8.00pm bejn illum u għada, u minn nhar il-Ħamis ser ikun qed jiffunzjona għal 24 siegħa.

“Fost il-każi hemm min għadu ma ħarġulux is-sintomi – feġġ l-ewwel każ f’dar tal-anzjani”

Profs. Charmaine Gauci spjegat li tnax ħarġu matul il-ġurnata, 6 huma nisa u 6 rġiel (disa’ Maltin fosthom Għawdxi), Indjan residenti hawn Malta, u Somalu residenti fil-komunità. Fosthom hemm ukoll persuni li kienu għadhom ma bdwex bis-sintomi.

Mill-bqija tad-39 persuna li ħarġu pożittivi tul il-lejl, 19 huma nisa u l-bqija huma rġiel fejn bħala nazzjonalità 37 minnhom huma Maltin – fosthom 3 Għawdxin – u 2 oħra barranin li ma kienux immigranti.

Fost dawk il-każijiet kien hemm ukoll każ ta’ anzjana residenti f’dar tal-anzjani. Hija sostniet li qed jittieħdu kull miżura ta’ prekawzjoni; fosthom membri tal-istaff u persuni li qasmu s-sala mal-pazjenta ser ikunu qed jiġu kwarantinati.

Hija spjegat ukoll li 3 pazjenti li qed jingħataw il-kura fl-Isptar t’Għawdex huma vulnerabbli filwaqt li 4 oħra jinsabu fl-ITU fl-Isptar Mater Dei fosthom ir-raġel li għadu jinsab f’qagħda kritika.

Profs. Gauci saħqet li f’każ li jkun hemm persuna li tittestja pożittiv u hija ħaddiema ta’ fabbrika ma jfissirx li l-kumpless kollu jagħlaq iżda jsir ir-risk assesment meħtieġ.

“Il-messaġġ huwa ċar, il- pubbliku għandu joħroġ biss għall-eżiġenzi”

Hija appellat sabiex il-pubbliku jibqa’ ġewwa u joħroġ biss għall-eżiġenzi. Profs. Charmaine Gauci sostniet sabiex dan isir l-għaliex hemm persuni li mhux jinqabdu u jaf qed iferxu l-pandemija f’pajjiżna.

Il-Ministru għas-Saħħa sostna li l-Awtoritajiet tas-Saħħa saħaq li għalissa mhux qed jiġi kkunsidrat il-possibilità ta’ Lockdown ankè fid-dawl li l-hekk imsejjaħ R-Factor (kemm persuna infettat jinfetta lil ħaddiehor) huwa ta’ minn persuna għal persuna waħda biss.

Is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika saħqet li fil-maġġorparti tagħhom dawn il-każijiet għandhom x’jaqsmu ma’ clusters ta’ nies li ġew lura mis-safar u serħet ras il-pubbliku li s’issa għadha ma faqqgħetx tixrida qawwija tal-virus f’post tax-xogħol.

Chris Fearne saħaq li s’issa għadna ma wasalnix fl-istadju li kulħadd jilbes maskra u enfasizza li wieħed irid joqgħod attent x’maskra jilbes. Huwa spjega li l-maskri f’dak l-istadju ikunu jridu jintlibsu mill-persuni mhux jipproteġu lilhom nfushom iżda biex ma jxerdux il-virus.

Finalment id-Deputat Prim Ministru reġa’ għal darb’oħra tenna sabiex il-pubbliku jibqa’ ġewwa kemm jista jkun.