Internazzjonali

Covid-19 — Ir-Russja tara qabża allarmanti fl-infezzjonijiet

Qed jikber it-tħassib fir-Russja, fejn l-ammont tal-każi tal-Covid-19, għall-ewwel darba, telgħu b’aktar minn 1,000 f’24 siegħa. Il-każi ta’ infezzjoni f’dan il-pajjiż huma konfermati mas-7,497 skont is-sorsi taċ-ċentru inkarigat mill-istrateġija għall-kontroll tal-virus fuq bażi nazzjonali.

L-aħħar żieda preċiża fir-Russja kienet ta’ 1,154 każ, bl-imwiet mill-coronavirus fil-pajjiż jitilgħu bi ħdax, għal 58.

Sadanittant, l-infezzjonijiet ikkonfermati fil-Ġermanja żdiedu bi 3,834 (f’24 siegħa) għal 99,225 – biċ-ċifra togħla mill-ġdid wara erbat ijiem konsekuttivi ta’ tnaqqis fil-każi.

L-imwiet mill-marda rappurtati fil-Ġermanja, intant, żdiedu b’173 għal 1,607, skont l-informazzjoni mill-Istitut ta’ Robert Koch għall-mard li jittieħed.

Fi Franza, l-awtoritajiet issikkaw il-miżuri tal-lockdown f’Pariġi, meta r-residenti fil-kapitali Franċiża, issa, qed ikunu projbiti milli jagħmlu attivitajiet tal-isport bejn l-10 ta’ filgħodu u s-7 ta’ filgħaxija ( is-sigħat tal-jum konvenzjonali). Dan bħala impenn ieħor biex tieqaf il-firxa tal-coronavirus.

Il-pass ittieħed wara li ħafna politiċi u tobba Franċiżi esprimew inkwiet dwar il-fatt li t-toroq ta’ Pariġi għadhom mimlijin bin-nies li qegħdin jagħmlu jogging inkella li qed jinġabru bħala gruppi viċin is-swieq, minkejja d-direttivi tal-Gvern Franċiż biex in-nies jibqgħu ġewwa għal kemm jistgħu.

Il-Gvern tal-Ġappun, sadanittant, approva pakkett ta’ emerġenza għall-istimolu ekonomiku tal-pajjiż li hu ekwivalenti għal 993 biljun dollar Amerikan. L-impenn, fi kliem l-uffiċjali tal-Gvern, jaħseb għat-trażżin tal-konsegwenzi mill-coronavirus.

Meta tkellem dwar il-pakkett, il-Gvern Ġappuniż irrefera għall-pandemija bħala ‘l-akbar kriżi’ li kellha tiffaċċja l-ekonomija globali mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘il hawn.