Ekonomija Lokali

Il-Gvern irid jgħin mingħajr ebda diskriminazzjoni – Kamra tal-Kummerċ

Ser jasal żmien fejn il-Gvern irid jieħu deċiżjonijiet aktar konkreti

Il-Kamra tal-Kummerċ preżentat proposta lill-Gvern sabiex jagħti stimolu aktar qawwi sabiex itaffi l-impatt soċjo-ekonomiku li din il-pandemija ser tħalli fuq pajjiżna.

Fi stqarrija l-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija saħqet li l-Gvern irid jagħti sostenn akbar lin-negozji Maltin u Għawdxin u preżentat diversi proposti costed sabiex il-Gvern jassisti b’sostenn akbar lill-kumpaniji varji billi jieħu azzjonijijet konkreti mhux fuq bażi ta’ statistika ekonomika imma fuq it-telf li dawn in-negozji ser ikunu qed jagħmlu.

L-għajnuna tal-Gvern ma tridx tkun diskriminatorja

Il-Kamra tal-Kummerċ saħqet li l-Gvern għandu jipprovdi l-għajnuna kollha meħtieġa lill-kull negozju, irrispettivament mil-liema settur ekonomiku ġej jew jopera. Huma saħqu li l-għajnuna trid tkun fuq bażi ta’ kemm tilfu profitti preżentament meta ċ-ċifri jiġu kkumparati ma’ dawk tal-istess perjodu tal-2019.

Għaldaqstant l-eliġibilità għall-assistenza tal-Gvern tkun waħda kkalkulata skont il-persentaġġ ta’ telf li negozju jkun għamel meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti. Ġie propost li l-kumpaniji kollha li tilfu aktar minn nofs tat-turnover tagħhom għandhom jiġu sostnuti permezz ta’ sussidji fil-pagi fuq bażi ta’ €800 fix-xahar għal kull impjegat, u dawk li tilfu ftit aktar minn kwart jingħataw €400 sussidju bl-istess metodu.

Fl-istess ħin qed jiġi propost sabiex il-Gvern jivverifika l-fatti u talbiet provduti mill-VAT returns bil-possibilità li l-Gvern jerġa’ jieħu lura l-fondi mgħotija ġaladarba kumpanija ma tkunx tapplika għalihom.

Il-president tal-Kamra tal-Kummerċ, David Xuereb, li f’dawn iż-żminijiet straordinarji ser tkun fuq quddiem sabiex tgħin lin-negozji sabiex issib kompromess bejnhom u bejn il-Gvern fl-eqqel tal-kriżi. Madanakollu, kompla jgħid, li l-prospetti tal-ekonomija Maltija m’huma xejn sbieħ.

F’dan l-istadju l-prijorità hija l-ekonomija tal-familji Maltin

Ingħad li kemm il-kumpaniji u wisq aktar il-familji Maltin, ma jistgħux jitħallew jispiċċaw mingħajr flus u għaldaqstant huwa essenzjali li l-Gvern jiggarantixxi li d-dħul tal-ħaddiema jkun sostnut kif inhu xieraq waqt li jżomm attenzjoni li ma jgħabbix b’piż finanzjarju elevat lill-kumpaniji. L-unika mezz biex dan iseħħ huwa billi l-Gvern ma jibżgħax iżid id-dejn tiegħu u f’dan il-perjodu jinsa l-miri li kellu qabel feġġ dan il-virus.

Il-Kamra tal-Kummerċ spjegat li f’dan il-mument l-ogħla prijorità hija li l-ekonomija tibqa’ għaddejja u li jkollna futur.

Dawn il-proposti preżentati mill-Kamra tal-Kummerċ huwa stmati li jiswew lill-Gvern €48.3 miljun fix-xahar aktar lill-Gvern, miżjuda mal-miżuri mħabbra diġà.