Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

“Il-Gvern Ungeriż approfitta mill-pandemija” – Delegati PPE

Fil-ġlieda kontra l-pandemija tal-Coronavirus hemm bżonn ta’ azzjonijiet u ħtieġa magħquda sabiex nevitaw kemm jista jkun il-fatalitajiet u l-effetti soċjo-ekonomiċi li ser ikunu qed isegwu din il-kriżi.

Hekk sostnew kapijiet tad-delegazzjoni tal-istati membri tal-Unjoni Ewropea fi ħdan il-PPE, fosthom il-membru ewroparlamentari Roberta Metsola, f’ittra indirizzata lill-President tal-Partit Popolari Ewropew Mark Weber.

Huma saħqu li madwar id-dinja rajna numru ta’ Gvernijiet jieħdu miżuri straordinarji biex inaqqsu l-hekk msejħa curve. Madanakollu, minkejja dan kollu xorta waħda jibqa’ ta’ importanza kbira li l-investigazzjonijiet dwar iċ-checks and balances tal-Gvernijiet Ewropej jibqgħu jissoktaw sabiex ġaladarba jgħaddi dan l-għawġ minn fuqna l-istati ma jinqabdux fuq sieq waħda.

Fost dawn il-pajjiżi hemm l-Ungerija li l-aħħar żviluppi huma nkwetanti ħafna. Dan l-għaliex qalb din il-kriżi, fit-30 ta’ Marzu l-Gvern Ungeri, immexxi mill-Prim Ministru Viktor Orban, għadda liġi li tawtorizza lill-Gvern preżenti sabiex imexxi mingħajr data ta’ skadenza leġiżlatorja. Huma saħqu li dan il-Gvern qed juża l-pandemija biex jgħakkes lil-libertajiet ċivili u jissokta bil-politika dittatorja tiegħu.

Id-delegati insistew li l-Partit Popolari Ewropew għadnu obbligu morali sabiex jiffedendi il-libertà tal-espressjoni u l-politika demokratika b’mod speċjali fiż-żminijeit partikolari li qed ngħixu fihom illum.

Għaldaqstant appellaw sabiex il-PPE jieħu pożizzjoni ċara u jqum għal valuri li jħaddnu kull wieħed u waħda minnhom.