Lokali

Il-PN ifaħħar il-ħidma determinanti mill-Korp Diplomatiku

Waqt li l-pajjiżna għaddej minn ġranet diffiċli u f’dan il-mument partikolari meta deħlin iktar fl-iżjed parti iebsa, l-Partit Nazzjonalista jrid jsellem u jirrikonoxxi l-ħidma li qed issir mill-Korp Diplomatiku. Il-Partit Nazzjonalista jirringrazzja l-ħidma intensiva u li ma waqfitx mid-diversi rappreżentanzi diplomatiċi ta’ pajjiċna fit-trufijiet tad-dinja kif ukoll dik li għaddejja għal sigħat twal fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u Ewropej.

Fi stqarrija maħrġa mill- Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin u Ewropej f’Dinja mingħajr Fruntieri Carmelo Mifsud Bonnici u s-Segretarja Internazzjonali tal-PN Roselyn Borg Knight elenkaw kif għandna napprezzaw is-sogru li diversi qegħdin għaddejjin f’soċjetajiet oħra. Napprezzaw dak li għamlu diġà u qegħdin iwettqu ma’ ħafna ċittadini Maltin u Għawdxin sabiex jingħataw l-assistenza biex jiġu ripatrijati kif ukoll meta jsibu ruħhom fi sptarijiet u f’sitwazzjonijiet oħra. Nagħrfu l-kumplikazzjonijiet li jkun hemm.  Napprezzaw ukoll il-ħidma li qed issir sabiex jiġi faċilitat ix-xiri ta’ apparat mediku u maskri li se jkunu iktar vitali għalina.

Fl-istess ħin, il-Partit Nazzjonalista jrid ukoll jesprimi r-ringrazzjament tiegħu għad-diversi diplomatiċi li għandna akkreditati f’pajjiżna. Diversi assistew ċittadini ta’ pajjiżhom biex jiġu rimpatrijati. Diversi oħra huma maqtugħa mill-familjari tagħhom f’mument meta wieħed ikun jippreferi jkun lura f’pajjiżu. Din hija ħidma determinanti li qed issir u għandha tiġi rikonoxxuta.