Lokali

Il-vjolenza domestika hija responsabbiltà kollettiva – PN

L-aħbar tas-sentenza storika tal-Qrati ta’ Malta fejn l-Istat instab ħati li naqas milli jipproteġi mara vittma tal-vjolenza domestika hija xhieda oħra tar-responsabbiltà kollettiva tas-soċjetà tagħna. Il-vjolenza domestika mhix problema tan-nisa biss, hija pjaga fis-soċjetà tagħna li għanda tiġi indirizzata mill-aktar fis possibbli.

Permezz ta’ stqarrija, il-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali, Pensjonijiet Adegwati u Sostenibbli u Drittijiet tat-Tfal David Agius, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza Vera u Sħiħa Claudette Buttigieg u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Jason Azzopardi stqarrew kif hemm bżonn urġenti li nirrevedu l-liġijiet kollha li b’xi mod jew ieħor qed jonqsu lil dawn il-vittmi. Dawn jinkludu liġijiet riċenti li tressqu mill-Gvern Laburista u li l-Partit Nazzjonalista kemm-il darba ġibed l-attenzjoni fuqhom.

Il-Partit Nazzjonalista jifraħ lil din il-mara għall-kuraġġ li uriet f’din il-ġlieda legali. Nisperaw li din il-vittma u t-tim legali tagħha jkunu ta’ eżempju ħaj u reali fil-ġlieda għall-ugwaljanza vera u sħiħa.