7 TA’ APRIL 1968
Jim Clark kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa, jekk mhux l-aqwa sewwieq fil-Formula 1 fis-snin 60. Clark miet eżatt bħal-lum 52 sena ilu f’inċident waqt tellieqa tal-Formula 2 fiċ-ċirkwit ta’ Hockenheim fil-Ġermanja. L-avveniment kien maqsum fuq żewġ heats. Fil-ħames dawra tal-ewwel heat, Clark tilef il-kontroll tal-karozza kawża ta’ problema f’tyre u ħabat ma’ siġra. Fil-bidu kien kiser għonqu u kellu ksur f’rasu iżda miet qabel wasal l-isptar.
Jim Clark twieled fl-4 ta’ Marzu tal-1936 u għamel id-debutt fil-Formula 1 fit-tieni parti tal-istaġun tal-1960 meta ġie mistieden mill-fundatur ta’ Lotus Colin Chapman wara li kien impressjoni f’xi tlielaq oħra. Fil-Grand Prix tal-Belġju, Chris Bristow ħabat u spiċċa biex tilef ħajtu, b’Clark jevita bl-eżatt l-inċident. Ftit dawriet wara, sieħeb Clark mat-tim ta’ Lotus, Alan Stacey, tilef ukoll il-kontroll meta nlaqat f’wiċċu minn għasfur u wkoll spiċċa biex miet.
Fl-1961 fl-ewwel staġun sħiħ tiegħu, reġa’ bata minn inċident f’Monza ma’ Wolfgang von Trips ta’ Ferrari. Minkejja li kien innoċenti u ma weġġax, von Trips flimkien ma’ 14-il spettatur spiċċaw mietu. Hu kien f’xifer li jirtira iżda Colin Chapman ikkonvinċih biex jibqa’. Din id-deċiżjoni kienet l-aqwa li qatt ħa fil-karriera tiegħu hekk kif kellu magna b’saħħitha għalkemm il-karozza mhux dejjem kienet affidabbli. Il-kampjonat tal-1962 tilfu biss fl-aħħar tellieqa minħabba li beda jnixxi ż-żejt. Fl-istaġun ta’ wara, Clark rebaħ seba’ mill-għaxar tlielaq fil-kampjonat u kiseb l-ewwel kampjonat tiegħu b’total ta’ 73 punt.
Fl-1964 reġa’ kien imċaħħad mir-rebħ tal-kampjonat fl-aħħar tellieqa minħabba problema fiż-żejt. It-tieni kampjonat tiegħu wasal fl-1965 b’total ta’ 54 punt wara li rebaħ sitta mill-għaxar tlielaq. F’dik is-sena, Clark saħansitra rebaħ it-tellieqa prestiġjużi Indianapolis 500. Fl-1966 ma kienx kompetittiv biżżejjed, rebaħ tellieqa u spiċċa fis-sitt post fil-klassifika, b’konsegwenza li kważi ħalla lil Lotus. Fl-istaġun ta’ wara kiseb erba’ rebħiet u fil-klassifika temm fit-tielet post.
Fl-ewwel tellieqa tal-kampjonat tal-1968, Jim Clark ħareġ rebbieħ fil-Grand Prix tal-Afrika ta’ Isfel. B’din ir-rebħa, Clark kien qabeż lil Juan Manuel Fangio u sa dak iż-żmien kien sar l-aktar sewwieq li rebaħ tlielaq fl-istorja b’total ta’ 25 rebħa. Sfortunatament l-inċident tas-7 ta’ April waqqaf il-possibbiltà li seta’ jkompli jirbaħ aktar tlielaq u kampjonati. L-Iskoċċiż ħa sehem fi 73 tellieqa fil-Formula 1 u minbarra li sa dak iż-żmien kien l-aktar sewwieq li rebaħ tlielaq, kien anki l-aktar sewwieq li kiseb pole positions b’total ta’ 33 darba.
//= $special ?>