Lokali

Ir-Rapport tal-NAO dwar l-eks binja tal-ITS hu inkwetanti – Kamra tal-Kummerċ

Ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali għall-mod kif il-Gvern ħareġ lill-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS) mill-eks binja tiegħu f’San Ġiljan hu inkwetanti għax iħalli dubji serji dwar l-għaġla li ħadem biha l-Gvern. Għax jidher ċar li l-Gvern aġixxa meta ma kellux post alternattiv f’moħħu u bi proċess mhux ċar ta’ negozjati.

Dan qalitu l-Kamra Maltija għall-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija fi stqarrija, li fiha qalet li dan il-pass iwassal għal tħassib serju u leġittimu minn ħafna għall-mod kif Projects Malta mexxiet iċ-ċaqlieq. Hu għalhekk li ċ-Chamber talbet ukoll għal spjegazzjonijiet trasparenti, onesti, dettaljati u komprensivi f’ġieħ il-governanza ġusta.

Iċ-Chamber spjegat li fil-passat kemm-il darba kkummentat dwar dan il-każ u oħrajn li kienu jitrattaw l-għoti ta’ art pubblika. Iżda issa, ladarba l-permess għall-proġett ġie revokat, xorta qed jibqgħu diversi mistoqsijiet, l-aktar dwar applikazzjoni ġdida li ġiet ippreżentata lill-Awtorità tal-Ippjanar.

Kompliet li temmen li proġetti bħal dan għandhom ikunu opportunità għall-pajjiż biex jintlaħqu l-miri u l-ambizzjonijiet marbuta mas-settur turistiku, filwaqt li jirrispettaw l-aspettattivi tal-pubbliku b’mod sostenibbli.

Filwaqt li tapprezza l-ħidma li qed issir dwar l-emerġenza medika li bħalissa ħakmet lid-dinja, iċ-Chamber qalet li l-Gvern għandu jkompli jsegwi każ bħal dan, fl-interess tal-governanza tajba u dawk kollha involuti.