Lokali Qorti

Jingħata l-libertá proviżorja wara ġimgħatejn fil-lock-up tal-Belt

Il-Qorti semgħet każ ta’ persuna li ilha arrestata fil-lock-up tal-Belt għal dawn l-aħħar ġimgħatejn fuq incident ta’ feriment. Raġel ta’ 21 sena mill-Floriana kien ilu arrestat mill-24 ta’ Marzu u ma’ ngħatax il-libertà proviżorja wara li kien ġie mixli li fera raġel ieħor b’sikkina.

Dan kien seħħ waqt argument u fil-Qorti kien mixli li kkaġuna feriti ta’ natura gravi fil-konfront ta’ żagħażugħ ieħor, Glenn Cassar ta’ 25 sena, residenti l-Belt Valletta.

Leandro Mansueto li jaħdem f’showroom tal-karozzi kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih Huwa kien ġie mixli li għall-ħabta tan-12:30pm. ta’ jumejn qabel li tressaq, fi Triq il-Mediterran fil-Belt agredixxa lil Cassar meta tah daqqa ta’ sikkina f’siequ, b’Cassar jispiċċa taħt osservazzjoni fl-Isptar Mater Dei.

Irriżulta li Cassar, li jaħdem ma’ Transport Malta, biex jevita ħabta ma’ vettura li kienet qed tinstaq fi Triq San Duminku, baqa’ dieħel f’żewġ karozzi pparkjati. Wara nqala’ argument bejnu u Mansueto, li dan wara l-inċident telaq minn fuq il-post.

Mansueto, li għalih kienet deheret l-Avukat Marion Camilleri flimkien mal-Avukat Franco Debono qal li għamel dak li għamel bħala ‘self-defence’. Huwa ġie mixli wkoll li kellu fil-pusess tiegħu arma rregolari, li ġarr l-istess arma bla liċenzja u li sar reċediv.

L-Avukat Marion Camilleri kienet qalet li l-klijent tagħha m’għandux xi kondotta kulurita u mhux biss aġixxa biex jiddeffendi lilu nniffsu iżda wkoll li Cassar agredixxa lil ħu Mansueto li għad għandu 15-il sena, u li min hemm skalat il-ġlieda.

Qalet ukoll li Cassar hedded bil-mobajl lil membri tal-familja Mansueto u li fiċ-ċirkostanzi tal-fatt li l-kumpilazzjoni mhijiex se tibda fi żmien 15-il ġurnata minħabba l-problema tal-Covid19, il-klijent tagħha għandu jingħata l-libertà proviżorja, anke permezz ta’ kundizzjonijiet iebsin.

Huwa kien inżamm arrestat u fil-kumpilazzjoni li bdiet it-Tlieta, fejn Cassar ma xehedx biex ma jinkriminax lilu nniffsu, Mansueto ingħata l-libertá fuq depożitu ta’ €2,000, u garanzija personali ta’ €3,000, li jiffirma fl-Għassa tal-Pulizija darba fil-ġimgħa u li jkun id-dar fit-8pm u jibqa’ hemm sas-6am.

L-Avukati Franco Debono u Amadeus Cachia deheru g ħal Mansueto quddiem il-Maġistrat Audrey Demicoli. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jeffrey Scicluna.  L-Giannella DeMarco qed tidher għal Cassar.