Lokali Qorti

Konfermata sentenza li l-Istat huwa ħati li falla milli jipproteġi mara minn abbuż

Il-Qorti Kostituzzjonali kkonfermat sentenza mogħtija mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fejn mara li damet snin twal issofri minn abbuż domestiku mill-eks raġel tagħha wara li l-istat falla mill-jipproteiġiha mit-trawma li kienet għaddejja minnha.

Il-Qorti ordnat li l-mara tingħata kumpens ta’ €5,000 f’danni morali. Dan peress li l-vittma qatt ma ngħatat protezzjoni minn naħa tal-Pulizija u li dan il-fattur fisser li d-drittijiet fundamentali tagħha ġew mittiefsa fejn hija kienet ġiet suġġetta għal trattament inuman u degradanti.

Il-Prim Imħallef Joseph Azzopardi, f’waħda mill-aħħar sentenzi li huwa ta, u f’dan il-każ flimkien mal-Imħallfin Giannino Caruana Demajo u Anthony Ellul iddikjaraw li l-istat kellu l-obbligu li jara li d-drittijiet fundamentali tal-mara ikunu salvagwardjati.

Kien ikkonfermat li l-vittma sofriet minn trawma psikoloġiku ta’ ċerta severità, mhux biss peress li l-komportament tal-agressur kompla b’sens ta’ impunità, u dan anke minkejja d-diversi ordnijiet li ħarġu kontrih.

Il-Qorti sabet nuqqasijiet kbar fil-proċeduri tal-Pulizija u kif saru l-investigazzjonijiet u l-ilmenti li saru minnha u minn vittmi oħra fuq vjolenza domestika. Ġie nnutat li l-Pulizija ma kellhomx uffiċċju ċentraliżżat fuq każijiet ta’ vjolenza domestika. Kellhom ‘victim support unit’ u vice squad biex jinvestigaw każijiet bħal dawn u mill-provi li ħarġu fil-Qorti ħareġ li x-xogħol wara waqa’ f’ħoġor l-Ispetturi tad-Distrett.

Il-Qorti sostniet li kien hemm lista ma tispiċċa qatt ta’ rapporti lill-Pulizija minn naħa tal-vittma li saru f’diversi għases tal-Pulizija. Dawn kienu segwiti minn diversi Spetturi b’manjera sporadika u mingħajr ma’ dawn ma kienu jafu li kienu saru rapporti simili f’għases oħra.

Ġie żvelat li ma kien hemm l-ebda sistema nterna biex Pulizija oħra jkunu jafu min qed jinvestiga dawn il-każijiet. Bħala riżultat ta’ dawn in-nuqqasijiet kollha, l-Pulizija kkrejaw ambjent ta’ vittimiżazzjoni doppja, tant li l-mara tilfet kull tama li seta’ kellha biex tingħata protezzjoni mill-Pulizija u s-sistema ġuridika.

“Huwa evidenti li s-sistema falliet, u falliet bil-kbir,” qalet il-Qorti. Il-mara sofriet minn inċidenti repetuti li ġabulha biża, ansjetà u disperazzjoni, mhux biss lilha, imma anke lil uliedha. Dan fisser li hija sofriet minn trattament inuman qalet il-Qorti.

Il-Qorti Kostituzzjonali qalet ukoll li l-Pulizija trid tagħti spjegazzjoni konvinċenti ta’ kif waslet għall-konklużjoni, nkluż x’ivestigazzjoni saret qabel ma ġie deċiż li l-każ jiġi konkluż. Mingħajr dubju kien hemm diversi rapporti fejn il-Pulizija naqset li tieħu azzjoni.

Il-fatt li kien hemm rapporti repetuti ta’ inċidenti identiċi jew simili kienet nprova fiha nnifisha li l-istat ma kienx qed jagħmel biżżejjed biex jipproteġi lil mara mill-abbuż ta’ żewġha.

L-istat kellu d-dmir li jieħu l-passi neċċessarji biex jipproteġi lil mara biex din ma tgħix ħajja ta’ biża u dwejjaq. “L-Istat għandu d-dmir u obbligazzjoni li jiżgura li kulħadd ikun protett u jgħix ħajja ħielsa minn kull vjolenza. Fil-każijiet ta’ vjolenza domestika, din l-obbligazzjoni tgħodd ukoll,” qalu l-Avukat Lara Dimitrijevic u Stephanie Caruana, li deheru għall-vittma.