Lokali

Kriżi ġdida tal-immigranti

Tliet gruppi separati ta’ immigranti irregolari jinsabu maqbuda bejn sema u ilma – bejn il-Libja u l-Ewropa – wara li sabu ruħhom f’diffikultà waqt li kienu fuq id-dgħajjes li bihom kienu qed jaqsmu l-Mediterran.

Abbord il-bastiment Alan Kurdi, l-organizzazzjoni umanitarja internazzjonali Alarm Phone tellgħet 150 immigrant li kienu abbord tnejn mid-dghajjes.

Wara li kienu salvati, il-bastiment qabad triqtu lejn Malta, iżda l-awtoritajiet Maltin ma aċċettawx li dan jiddaħħal f’pajjiżna. Tal-istess opinjoni l-Gvern Taljan, li wkoll ma aċċettax li jdaħħal lill-immigranti fil-pajjiż.

Il-pożizzjoni taż-żewġ Gvernijiet ġibdet il-kritika tal-Alan Kurdi, bl-ekwipaġġ jispjega fuq Twitter li l-immigranti għaddew il-lejl abbord, iżda huma għajjenin u eżawriti.

L-ekwipaġġ appella lill-awtoritajiet Ewropej biex ma jibqgħux itawwlu biex isir is-salvataġġ ta’ dawn l-immigranti, iżda jagħżlu li jaġixxu skont il-liġijiet internazzjonali.Fl-ewwel xahrejn tas-sena, qabel faqqghet il-krizi tal-Covid-19, kienu diga’ iddahlu Malta íl fuq minn elf immigrant.