Internazzjonali

L-Italja: Imutu 604 oħra iżda terġa’ tonqos ir-rata tal-infezzjonijiet

Fl-Italja mietu 604 oħra mill-coronavirus fil-perjodu stabbilit ta’ 24 siegħa bejn it-Tnejn u llum. Madankollu, il-pajjiż qed iżid it-tamiet li qed jilħaq ‘Fażi 2’ ( li tirrifletti tnaqqis) tal-epidemija wara li l-ammont tal-infettati ġodda (3,039) niżel mill-ġdid – għat-tielet jum konsekuttiv — u fejn kienu rreġistrati 550 każ anqas minn tat-Tnejn.

In-nies li fiequ mill-coronavirus (fl-Italja) f’dan il-perjodu ta’ 24 siegħa huma stabbiliti mal-1,555, bl-ammont tat-Taljani imfejqa, bħala total, jaqbeż l-24,000.

Fl-Italja – mill-bidu tal-epidemija ‘il hawn — mietu b’kollox 17,127 mill-effetti tal-Covid-19. Dan meta, b’kollox, hemm 94,067 morda mill-coronavirus fl-Italja ( żieda ta’ 880 fuq l-infettati reġistrati sat-Tnejn).

Sadanittant, fl-Italja, it-tobba mejtin ‘fuq il-front tal-gwerra mal-coronavirus’ żdiedu għal 94 wara t-telfa ta’ ħames tobba oħra. Il-Federazzjoni Taljana għall-Infermieri (FNOPI) qalet, intant, li 26 infermiera mietu bil-coronavirus fl-Italja mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19.