Formula 1 Sport

Posposta wkoll il-Grand Prix tal-Kanada

(Ritratt: EPA)

L-organizzaturi tal-Grand Prix tal-Kanada skedata bejn it-12 u l-14 ta’ Ġunju ħabbru l-posponiment tat-tellieqa kawża tat-tixrid tal-coronavirus. L-aħbar issegwi l-aħbar li l-Formula 1 qed taħdem mal-promoturi dwar kalendarju aġġornat hekk kif il-kalendarju oriġinali tħarbat mhux ftit.

Fi stqarrija, il-promoturi Kanadiżi qalu li kienu jkunu onorati li jorganizzaw l-ewwel tellieqa tal-kampjonat u li pposponew it-tellieqa b’dieqa. L-istqarrija kompliet tgħid li ma ħadux id-deċiżjoni faċilment u li d-deċiżjoni ttieħdet wara kuntatt kontinwu mal-Formula 1 u r-rappreżentanti mill-Belt ta’ Montreal.

Iċ-chairman tal-Formula 1 Chase Carey qal li fl-aħħar ġimgħat ħadem qrib dawk assoċjati mal-Grand Prix tal-Kanada u tahom is-sapport biex jassiguraw is-sigurtà lill-partitarji u l-komunità tal-Formula 1. Fl-istess ħin, Carey ikkonferma li jeżisti l-ħsieb li din it-tellieqa sseħħ aktar tard din is-sena. Il-biljetti se jibqgħu validi u l-ispettaturi se jkunu avżati bl-arranġamenti meta jkun hemm id-data l-ġdida tal-Grand Prix.