Coronavirus Lokali

Ripatrijazzjoni sal-Ħadd – Ministeru għall-Affarijiet Barranin

Biex wieħed jiġi lura Malta jista' jagħmel dan minn żewġ ajruporti

“Persuni li jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara t-12 ta’ April 2020, jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom”

Il-Maltin li għal xi raġuni jew oħra għadhom jinsabu barra minn xtutna għandhom ċans sa nhar il-Ħadd 12 ta’ April sabiex jirritornaw Malta.

Fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej intqal li minħabba l-fatt li t-tixrid tal-pandemija qed iżżid b’rata allarmanti ħafna, numru ta’ ajruporti madwar il-globu qed jieħdu miżuri ta’ lockdown.

Dawn il-persuni li qed jiġu mħeġġa jirritornaw lura lejn Malta fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ titjiriet li ser ikunu qed jitwettqu minn żewġ ajruporti biss. Dan hekk kif it-titjiriet ta’ ripatrijazzjoni ser isiru minn Heathrow f’Londra, jew l-ajruport maġġuri ta’ Frankfurt fil-Ġermanja. Fi kliem ieħor jekk persuna tinsab fi kwalunkwè pajjiż ieħor sa nhar il-Ħadd trid tagħmilha f’wieħed minn dawn l-ajruporti ġaladarba trid tagħmliha Malta.

Dawn jistgħu jagħmlu użu minn kwalunkwe titjira kummerċjali disponibbli. L-itinerarju tat-titjira flimkien ma’ kopja tal-passaport, għandhom jintbagħtu fuq sitcen.mfea@gov.mt. B’hekk wieħed ikun jista’ jirriserva t-titjira ta’ ripatrijazzjoni tiegħu minn Heathrow f’Londra jew minn Frankfurt.

Min ma jirritornax sa nhar il-Ħadd m’għandux garanzija ta’ ripatrijazzjoni

Fl-istqarrija ntqal li persuni li jagħżlu li jibqgħu barra mill-pajjiż wara t-12 ta’ April 2020, jieħdu r-responsabbiltà tar-riskju fuqhom. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej saħaq li ma jistax jiggarantixxi r-ripatrijazzjoni wara din id-data.

Dan kollu japplika wkoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li għandhom permess Malti validu ta’ residenza. Biex wieħed jirriserva titjira ta’ ripatrijazzjoni hemm bżonn ta’ kopja tal-passaport u tal-karta tar-residenza. Din għandha tintbagħat flimkien mal-itinerarju tat-titjira fuq sitcen.mfea@gov.mt

Dawk il-persuni li ma jistgħux jivvjaġġaw minħabba lockdowns imposti, għandhom jinfurmaw minnufih lill-Ministeru fuq sitcen.mfea@gov.mt Dawk li diġà huma rreġistrati mal-Ministeru qed ikunu mħeġġa wkoll jibagħtu email bl-aġġornament tal-istatus attwali tagħhom.

Iċ-Ċentru ta’ Sitwazzjoni fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Affarijiet Ewropej ser ikun disponibbli mit-08:00 sat-20:00hrs, kuljum u jista’ jintlaħaq bit-telefon fuq 00356 2204 2200. Ir-riservazzjonijiet għal titjiriet ta’ ripatrijazzjoni se jkunu aċċettati biss bl-email.