Coronavirus Lokali

Xahar mill-ewwel każ – kważi 300 persuna pożittiva

Kien proprju bħal lum xahar ilu li l-kriżi ta’ COVID-19 feġġet f’pajjiżna. Wara diversi jiem nisimgħu b’dak li kien qed jiġri madwarna, kienet inevitabbli li l-pandemija kienet ser tidħol f’pajjiżna minn barra. Sal-lum il-każijiet laħqu ftit inqas minn 300 każ.

Kien is-7 ta’ Marzu meta tfajla Taljana ta’ 12-il sena, residenti Malta, waslet f’pajjiżna minn Ruma flimkien mal-ġenituri tagħha u bdiet tħoss is-sintomi jumejn wara. Flimkien magħha ttestjaw pożittivi ommha u missierha wkoll, fejn it-tlieta li huma fortunatament jinsabu lkoll imfejqa mill-virus.

Dan filwaqt li ftit tal-jiem wara, proprju fl-10 ta’ Marzu NET NEWS żvela r-raba’ każ pożittiv – dak ta’ barrani ta’ 49 sena residenti f’pajjiżna u ġie infettat bil-Covid-19 waqt li kien fuq btala fl-Italja bis-sintomi joħorġulu wara li wasal Malta fuq titjira minn Treviso. Flimkien miegħu kienet ittestjat pożittiv ukoll bintu ta’ sittax-il sena.

Għal dak il-perjodu l-Gvern Malti kien ħalla l-kwarantina fuq bażi volontarja. Dan filwaqt li wara dawn l-ewwel 5 każi, il-Maltin li kienu jinsabu l-Italja bdew jiġu rimpatrijati lura lejn pajjiżna wara li l-Gvern Taljan kien ħabbar kwarantina massima. Madanakollu l-vjaġġi minn u lejn pajjiżi oħra sa din id-data kienu baqgħu għaddejjin normali – minkejja l-appelli ta’ bosta unjins u msieħba soċjali. Fl-10 ta’ Marzu l-Gvern ħabbar l-ewwel miżuri, dawk li jitwaqqfu l-avvenimenti tal-massa.

Jum wara ġie kkonfermat l-ewwel Malti pożittiv għal Covid-19, tabib ta’ 55 sena li ġie lura pajjiżna minn btala lejn in-naħa ta’ fuq tal-Italja. Wara li l-unions kienu ilhom għal ġimgħat sħaħ jisħqu fuq il-ħtieġa li l-kwarantina ssir waħda obbligatorja, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar il-kwarantina obbligatorja għal ħames pajjiżi; l-Italja, Franza, Spanja, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. Għaldaqstant bdew il-vjaġġi ta’ ripatrizzjoni mill-bqija tal-ħames pajjiżi.

Ħamest ijiem wara li faqqgħet il-pandemija fil-Gżejjer Maltin, wara l-appelli tal-Partit Nazzjonalista u diversi unjins, il-Gvern għalaq l-iskejjel kollha madwar il-pajjiż – deċiżjoni li ġiet estiża għal kumplament tas-sena akkademika jiem wara.

Fl-ewwel ġimgħa mindu Malta bdiet tħabbat wiċċha ma’ din il-krizi, l-każijiet kienu telgħu għal 13.

Stenbaħna għat-tieni ġimgħa b’ħames każijiet ġodda, bl-ewwel każ li kien ġej minn barra dawk il-pajjiżi li l-Gvern ħabbar kwarantina obbligatorja għalihom. Tul din il-ġimgħa tħabbar ukoll li l-kompetizzjonijiet sportivi domestiċi kollha kienu ġew sospiżi sal-5 ta’ April, liema deċiżjoni aktar tard ittieħdet għal data indefinita. Dan filwaqt li ġie kkanċellat uffiċjalment il-Eurovision Song Contest 2020.

Tul din il-ġimgħa l-Gvern ħabbar ukoll pakkett finanzjarju meqjus bħala wieħed dgħajjef fejn fost oħrajn ħabbar li kien ser iħallas €350 għall-kwarantina mandatorja, iżda d-dawl u l-ilma baqa’ ma raħħashomx. Jiem wara, l-Ministru Edward Scicluna kkonferma li ma jistax isir roħs fit-tariffi tad-dawl minħabba ftehim maċ-Ċiniżi.

Dan filwaqt li ngħalqu dawk il-postijiet meqjusa mhux neċessarji għal ħajja ta’ kuljum fosthom ristoranti, stabbilimenti tad-divertiment u gyms.

Matul it-tieni ġimgħa kellna l-ewwel każijiet ta’ trażmissjonijiet lokali – bil-każi jilħqu t-total ta’ 64. Fid-dawl ta’ dan ġew ikkanċellati wkoll l-attivitajiet u l-purċissjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa.

Tul it-tielet ġimgħa tħabbru wkoll li l-festi esterni tal-lokalitajiet tħassru, hekk ukoll il-praċetti u l-Griżma tal-Isqof ta’ qabel is-sajf. Dan kollu wara li ċ-ċelebrazzjoni tal-quddies għal massa ġiet sospiża u saru diversi limitazzjonijiet oħra b’rabta ma’ żwieġ u funerali. Kienet ukoll posposta ż-żjara f’Malta li kellu jagħmel f’Mejju Papa Franġisku.

Wara tlett ġimgħat minn meta feġġ l-ewwel każ ta’ Coronavirus f’pajjiżna, il-Gvern iddeċieda, wara pressjoni mill-Unjoni Ewropea, li jissospendi t-titjiriet minn u lejn Malta.

Dan filwaqt li wara kritika qawwija min-negozji u l-unjins, il-Gvern ħabbar miżuri riveduti fosthom ħlas ta’ €800 paga għal kull ħaddiem, iżda mhux għas-setturi kollha. Deċiżjoni li ħalliet lil bosta jistaqsu x’differenza hemm bejn impjegat u ieħor.

Ġie deċiż ukoll li dawk il-persuni li għandhom ‘il fuq minn 65 sena kif ukoll dawk il-persuni meqjusa vulnerabbli u jsofru minn mard kroniku kif ukoll nisa tqal għandhom jibqgħu d-dar kemm jista jkun. Dawk il-persuni li jgħixu magħhom għadhom sal-lum jistgħu jmorru għax-xogħol u idealment, intqal mill-Awtoritajiet, għandhom isibu residenza oħra.

Sa tmiem it-tielet ġimgħa l-ammont totali ta’ każi pożittivi kien dak ta’ 139.

Fl-aħħar ġimgħa u nofs, il-Covid-19 feġġ ukoll fl-Isptar Monte Carmeli, fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex kellna l-ewwel pazjenta tingħata l-kura hemmhekk – kif ukoll beda jinfirex fiċ-Ċentru Miftuħ ta’ Ħal Far. Dan wassal sabiex kull resident f’dan iċ-Ċentru ġie ordnat jagħmel kwarantina obbligatorja għal ġimgħatejn.

Wara xahar minn meta kellna nħabbtu wiċċna ma’ dan il-virus li ftit jew wisq qalbilna ħajjitna ta’ taħt fuq, il-każijiet komplew jiżdiedu bit-total aħħari ta’ każijiet pożittivi huwa dak ta’ 293 – bl-akbar żieda tkun proprju illum 52 każ pożittiv ġdid fosthom l-ewwel każ f’dar tal-anzjani.

Madanakollu dan ix-xahar żgur kien ikun ferm aktar differenti jekk ma kienx għax-xogħol dejjiemi u s-sagrifiċċji kbar li qed iwettqu l-mediċi u membri tas-sigurtà ta’ pajjiżna. Minn qalbna, grazzi.