Sport Sport Ieħor

28 SENA ILU: L-eks tennist Arthur Ashe jħabbar li għandu l-AIDS

(Ritratt: AP)

8 TA’ APRIL 1992

L-eks tennist Arthur Ashe ħabbar 28 sena ilu li kellu l-marda tal-AIDS, kawża ta’ trasfużjoni tad-demm waqt operazzjoni tal-qalb fis-snin 80. Hu miet fis-6 ta’ Frar tal-1993 fl-età ta’ 49 sena. Ashe sar u għadu l-ewwel tennist iswed li rebaħ Wimbledon, l-Open tal-Istati Uniti u l-Open tal-Awstralja. Meta sar jaf li qabditu l-marda tal-AIDS, Ashe tefa’ l-isforzi tiegħu biex iqajjem kuxjenza ta’ din il-marda.

Arthur Ashe kien irtira mit-tennis fl-1979 wara li sofra minn attakk tal-qalb. Hu għamel l-operazzjoni tal-bypass fl-istess sena iżda fl-1983 reġa’ għamel l-istess operazzjoni. Fl-1988 Ashe sar jaf għandu l-AIDS. It-tobba saru jafu li hu pożittiv għall-HIV wara trasfużjoni tad-demm fit-tieni operazzjoni tal-qalb.

Fil-bidu, Ashe żamm l-aħbar mistura mill-pubbliku. Iżda fit-8 ta’ April tal-1992, hu żvela l-aħbar wara li sar jaf li USA Today kienu qed jaħdmu fuq storja dwar il-battalja tiegħu ma’ saħħtu. Wara li nħall mit-taqtigħa biex iżomm il-kundizzjoni tiegħu privata, Ashe ħadem sa mewtu biex aktar nies ikunu jafu dwar il-marda.