Il-belt Ċiniża ta’ Wuhan – fejn feġġ il-coronavirus għall-ewwel darba – ikkonkluda lockdown li kien ilu effettiv għal aktar minn xahrejn.F’din il-belt spiċċaw infettati ‘il fuq minn 50,000 persuna, b’aktar minn 2,500 minnhom imutu ( madwar 80 fil-mija tal-imwiet kollha fiċ-Ċina).
Iċ-Ċina kienet għalqet l-aċċessi għal Wuhan – belt ta’ 11-il miljuni – fit-23 ta’ Jannar, bil-pass drastiku jissimbolizza s-sistema aggressiva li adottaw l-awtoritajiet Ċiniżi għall-kontroll tal-virus.
Minn dak iż-żmien, il-coronavirus infirex madwar id-dinja fejn infetta ‘il fuq minn 1,4 miljuni, fost l-effetti diżastrużi għall-ekonomija tad-dinja, fejn il-Gvernijiet imponew il-lockdown biex ma jinfirxux l-infezzjonijiet.
Filwaqt li ċ-Ċina rnexxielha trażżan l-epidemija, il-miżuri li kellha tieħu ħallew impatt qawwi ekonomiku u soċjali — b’ħafna residenti, bħalissa, qed jieħdu ftit tan-nifs filwaqt li għadhom jesprimu l-inċertezza dwar il-periklu ta’ infezzjoni li għadu wieħed reali.
Sadanittant, il-provinċja ta’ Heilongjiang, lejn in-naħa ta’ fuq taċ-Ċina, ordnat ir-restrizzjonijiet għar-residenti tagħha fost tħassib dwar tieni mewġa ta’ infezzjonijiet. Dan fost rapporti li l-awtoritajiet fil-provinċja qed jiffaċċjaw numru ta’ każi tal-virus ‘impurtati’, fejn spikka l-influss ta’ nies infettati li qasmu għal hemm mill-fruntiera mar-Russja.
//= $special ?>