Internazzjonali

Coronavirus: Jistaġnaw it-taħditiet dwar il-pakkett tal-UE għall-għajnuna

It-taħditiet tal-Unjoni Ewropea biex tingħata l-għajnuna lill-Istati-membri taz-zona ewro li ġejjin min-nofsinar tal-kontinent, spiċċaw staġnati wara 16-il siegħa.

Intant, mistenni li t-taħditiet relatati għall-impatt ekonomiku u finanzjarju mill-Covid-19 ikomplu l-Ħamis – bil-pandemija qed tkompli tikxef differenzi kbar fost il-pajjiżi tal-Ewropa,; bl-Italja u Spanja jakkużaw lill-Istati Ewropej tan-naħa ta’ fuq ( fosthom il-Ġermanja u l-Olanda) b’li mhumiex juru biżżejjed solidarjetà mal-pajjiżi li ntlaqtu ħażin ħafna mill-coronavirus.

Il-Bank Ċentrali Ewropew qal li l-Unjoni jista’ ikollha bżonn sa 1.5 triljun ewro biex tikkonfronta l-effetti tal-kriżi.

Il-Ministri tal-Finanzi Ewropej, intant, kienu dehru qrib ta’ ftehim, iżda t-taħditiet ikkrollaw fost tilwima bejn l-Italja u l-Olanda dwar kif  għandu jkun applikat il-fond għall-irkuprar ekonomiku.

It-tilwima seħħet waqt li l-ogħla xjenzat tal-UE, Mauro Ferrari, ikkonferma r-riżenja tiegħu fost kummenti dwar ‘ir-reazzjoni diżappuntanti mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-pandemija’.

Ferrari, ċittadin Taljan li dam imexxi lill-Kunsill Ewropew għal Riċerka għal anqas minn erba’ xhur, qal li l-programm speċjali li hu ipprova jwaqqaf biex jikkumbatti l-virus ‘spiċċa miċħud mingħajr l-iċken eżitazzjoni’.

L-Italja, Spanja, Franza u xi pajjiżi oħra tal-UE iridu jaqsmu d-dejn dovut għall-effetti tal-coronavirus b’forma ta’ ‘coronabonds’ ( jew eurobonds) fuq bażi komuni u b’dan id-dejn, imbagħad, jitħallas mill-Istati kollha tal-Unjoni.

Il-Ministri tal-Finanzi taz-zona ewro ħadu sehem f’telekonferenza li damet għal-lejl kollu u fejn iddiskutew is-suġġett għal sittax-il siegħa – bl-Italja tirrifjuta li tirtira mid-domandi tagħha.

Intant, l-Olanda qed topponi l-proposta tal-‘coronabonds’ u trid li l-Istati-membri tal-Unjoni jingħataw il-kundizzjonijiet għall-ħlas lura tad-djun fuq sistema ta’ snin.

Għalissa, l-indikazzjonijiet, skont abbozz ta’ stqarrija proviżorja, huma li ‘jinħtieġu sistemi ta’ ftehim finanzjarji innovattivi’ mill-Istati taz-zona ewro – bil-Ministru Portugiż għall-Finanzi, Mario Centeno ( li mexxa l-laqgħa għall-ministri), jissospendi t-taħditiet għall-Ħamis u fejn għamilha ċara li ‘hu qed ifittex sistema soda ta’ sigurtà għal kontra l-effetti tal-virus’.