Coronavirus Internazzjonali

Fl-Istati Uniti kważi elfejn vittma f’jum

L-Istati Uniti rreġistraw 1,736 mewta b’kawża tal-Covid-19 f’jum wieħed biss. Din iċ-ċifra hija l-aktar waħda ta’ mwiet li pajjiż qatt esperjenza f’24 siegħa.

In-numru totali ta’ mwiet fil-pajjiż tela’ għal aktar minn 12,700, bl-Istati Uniti mistennija tieħu aktar miżuri iebsa fil-ġlieda kontra din l-imxija.

Il-pajjiż mill-Amerka ta’ Fuq għandu aktar minn 398,000 każ ikkonfermat, dan huwa l-ogħla numru fid-dinja. Issa l-każijiet globali qabżu l-1.4 miljun.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-President Donald Trump qal li l-Istati Uniti jistgħu jkunu qegħdin fil-quċċata tal-“kurva”.

Sadanittant il-belt ta’ Wuhan fiċ-Ċina, minn fejn bdiet din il-pandemija temmet il-lockdown ta’ 11-il ġimgħa u l-ħajja ġejja ftit ftit għan-normal.

Intant l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) qalet li l-pajjiżi m’għandhomx jerħu milli jwettqu l-miżuri tant neċċessarji biex il-virus ma jibqax jinfirex.

Il-WHO qalet li huwa importanti li fejn hemm il-miżuri, jibqgħu dawn il-miżuri, u fejn m’hemmx il-miżuri ta’ protezzjoni, dawn jiddaħħlu mill-aktar fis.

L-Organizzazzjoni appellat biex dawk il-Gvernijiet li mhux jieħdu dawn id-deċizzjonijiet ta’ protezzjoni għandhom jimplimentawhom minnufih.