Lokali

Il-Familja Pace tappoġġa s-sejħa tal-Partit Nazzjonalista għall-inkjesta pubblika

Il-Familja ta’ Miriam Pace, il-mara li traġikament tilfet ħajjitha ix-xahar li għadda wara t-tiġrif tar-residenza tagħha fil-Ħamrun, qed tappoġġa s-sejħa għall-inkjesta pubblika. Dan intqal fi stqarrija mill-avukati David Bonello u Joe Giglio, f’isem il-familja Pace.

Il-familja qed tistenna li jsiru t-taħdidiet u l-konsultazzjonijiet neċessarji mar-rappreżentanti legali tal-istess familja rigward il-kompożizzjoni tal-istess bord.

Ftit tal-jiem ilu, il-PN ressaq mozzjoni Parlamentari sabiex  il-Prim Ministru Robert Abela jwaqqaf inkjesta pubblika li fi żmien xahrejn tirrapporta x’wassal għall-qtil ta’ Miriam Pace fit-tigrif tad-dar taghha stess. Dan halli l-poplu jkun jaf ezatt jekk l-istituzzjonijiet wettqux dak li kien mistenni minnhom ….sabiex jipproteġu l-ħajja u l-interessi ta’ terzi, qabel u waqt ix-xogħlijiet ta’ kostruzzjonijiet u jekk ittieħdux il-miżuri kollha meħtieġa.

Fil-Mozzjoni mressqa mill- Kap tal-PN Adrian Delia u d-Deputati Robert Cutajar u Claudio Grech għan-nom tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, intqal li l-inkjesta pubblika għandha tistabbilixxi wkoll jekk il-miżuri li ttieħdu kienux adewgati sabiex jipproteġu l-ħajja u jekk setgħux ittieħdu miżuri oħrajn biex din il-mewt traġika ta’ Miriam Pace tiġi evitata.

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ressqet din il-mozzjoni minhabba li issa għadda aktar minn xahar mill-mewt ta’ Miriam Pace u minkejja d-diversi talbiet għal inkjesta pubblika dwar l-aġir jew possibbilment nuqqasijiet tal-Awtoritajiet din l-inkjesta baqgħet qatt ma twaqqfet.