8 TA’ APRIL 1955
L-eks plejer ta’ Roma Agostino Di Bartolomei twieled bħal-lum 65 sena. Fil-karriera tiegħu lagħab primarjament bħala midfielder u kien magħruf għal mod eleganti kif jilgħab il-futbol. Hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers Taljani li qatt ma lagħab mat-tim nazzjonali. Di Bartolomei għamel id-debutt fis-Serie A ma’ Roma fl-istaġun 1972/73. Sentejn wara mar jilgħab b’self fis-Serie B u fl-1976 irritorna ma’ Roma fejn sar wieħed mill-plejers importanti fit-tim.
Wara li l-leġġendarju Nils Liedholm irritorna bħala kowċ ta’ Roma, Di Bartolomei sar anki captain u benjamin tal-partitarji. F’dak iż-żmien, Roma kellhom diversi plejers offensivi ta’ kwalità fosthom Bruno Conti, Falcao u Toninho Cerezo. Għalhekk Liedholm iddeċieda li jirtira lil Di Bartolomei quddiem id-difiża biex joffri protezzjoni.
Fil-karriera tiegħu, hu rebaħ is-Serie A fl-istaġun memorabbli 1982/83 u l-Coppa Italia tliet darbiet fl-istaġuni 1979/80, 1980/81 u 1983/84. Fl-istaġun 1983/84, hu għen lil Roma jaslu sal-finali tat-Tazza taċ-Champions iżda kienu megħluba fil-finali minn Liverpool.
Fis-sajf tal-1984 ingħaqad ma’ Milan u lagħab għal tliet staġuni qabel irtira fl-1990 wara esperjenzi ma’ Cesena u Salernitana. Lejn tmiem il-karriera, Di Bartolomei kien qed isofri minn dipressjoni u miet fit-30 ta’ Mejju wara li spara lilu nnifsu fil-villa li kien jgħix fiha.
//= $special ?>