Coronavirus Futbol Sport

Il-plejers u l-istaff tekniku ta’ Real Madrid jaqblu li jkollhom tnaqqis fis-salarji

(Ritratt: EPA)

Real Madrid ħabbru li l-plejers u l-kowċis tagħhom qablu li jnaqqsu s-salarju tagħhom għal bejn 10% u 20% waqt li l-istaġun jibqa’ sospiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus. Il-klabb qal li l-miżura ttieħdet f’tentattiv li titnaqqas il-perjodu trawmatiku li qed iħalli effett fuq il-ħaddiema l-oħra. Din id-deċiżjoni ssegwi dawk ta’ Barcelona u Atletico Madrid li għall-istess raġuni qablu li jnaqqsu 70% tas-salarju.

Fi stqarrija uffiċjali l-klabb ikkonferma li din id-deċiżjoni tinkludi wkoll lit-tim tal-basketball. It-tnaqqis jiddependi wkoll kif iċ-ċirkostanzi se jħallu effett fuq l-għeluq tal-istaġun. Il-kampjonat Spanjol La Liga ilu sospiż mill-bidu ta’ Marzu, bil-President tal-kampjonat Javier Tebas qal li l-futbol fi Spanja mhux mistenni li jkompli qabel l-aħħar ta’ Mejju l-aktar kmieni. Il-pajjiż ilu f’lockdown mill-14 ta’ Marzu u dawk il-miżuri se jibqgħu f’posthom tal-anqas sas-26 ta’ April.