F’Potenza miet bil-coronavirus fl-età ta’ 56 sena Donato Sabia, bla dubju wieħed mill-aqwa atleti tal-Italja fis-snin 80. Hu għandu rabta diretta ma’ Malta hekk kif bejn l-1998 u l-2001 kien kowċ tat-tim Malti fl-atletika. Hu għen fil-preparazzjoni tal-Olimpjadi ta’ Sydney fl-2000 kif ukoll għal-Logħob tal-Istati ż-Żgħar tal-Ewropa fl-1999 u l-2001.
Sabia hu rebbieħ tal-midalja tad-deheb fil-Kampjonat Ewropew Indoor f’Gothenburg fl-1984. Fit-800 metru hu għamel ħin ta’ minuta 48.05 sekondi u f’Ġunju tal-istess sena temm f’minuta 43.88 sekondi. Dan ir-riżultat hu ftit ċenteżmi bogħod mir-rekord storiku ta’ Marcello Fiasconaro.
Fis-26 ta’ Mejju tal-1984 f’Busto Arsizio, Sabia kiser ir-rekord tad-dinja tal-500 metru f’minuta 00.08 sekondi. Hu darbtejn finalist fl-Olimpjadi tal-1984 f’Los Angeles u f’Seoul erba’ snin wara. Sabia kien ukoll kollega tal-eks champion Olimpiku Pietro Mennea fir-relay 4×400 metru. Hu tħarreġ fiċ-ċentru Olimpiku ta’ Formia taħt il-gwida teknika ta’ Carlo Vittori.
It-Taljan miet f’San Carlo fi Potenza fejn kien iddaħħal l-isptar għal madwar għaxart ijiem ilu. Fl-istess sptar fil-31 ta’ Marzu, miet missieru wara li ommu wkoll kienet irriżultat pożittiva għal coronavirus.
//= $special ?>