Il-management tal-Air Malta lbieraħ kiteb lil-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tax-Xogħol (DIER) fejn spjega illi l-kumpanija se tkeċċi 108 bdoti minn total ta’ 134. Dan ifisser li l-linja nazzjonali tal-ajru trid iżżomm 26 bdot.
Jidher li d-deċiżjoni tal-management ittieħdet wara li l-Air Malta u l-ALPA, il-union li tirrapreżenta l-bdoti, ma qablux fuq pjan ta’ cost cutting.
NET NEWS jinsab infurmat li b’din il-mossa se jitkeċċew ukoll bdoti veterani li ilhom snin twal joffru servizz lill-linja nazzjonali ta’ pajjiżna.
L-aħbar waslet bħala daqqa għall-ħaddiema, speċjalment wara li aktar kmieni dan ix-xahar kien żvelat il-pjan li anke l-part-timers fuq kuntratt definit se jitwaqqfu. Dawn se jdumu fuq il-kotba tal-kumpanija sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, lejlet Jum il-Ħaddiem.
Jirriżulta wkoll li dan l-eżerċizzju ta’ cost cutting se jolqot direttament anke lill-cabin crew, bil-proposta tkun li l-paga tagħhom ta’ sena titnaqqar b’€1,200.

Ħafna ħaddiema huma frustrati għall-mod kif qed jaġixxi l-management li bħal donnu qed jibqa’ jirrombla minn fuq l-impjegati anke f’dan il-mument tant sensittiv.
Sorsi li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw li l-Kap Eżekuttiv, per eżempju, ħa “pay cut” – iżda ħadd ma jaf eżatt kemm hu dan it-tnaqqis fil-paga.
Oħrajn jibqgħu isemmu l-impjieg li ingħata l-preżentatur tal-media laburista Karl Stagno Navarra li sal-lum ħadd ma jaf eżatt x’inhu jagħti lill-kumpanija.