Lokali Qorti

Mark Chetcuti jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Imħallef

Fil-Palazz ta’ Sant’Anton, fil-preżenza tal-President tar-Repubblika George Vella, Mark Chetcuti ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Prim Imħallef.

Din il-ħatra saret wara li l-Parlament approva b’mod unanimu l-ħatra tiegħu. Iċ-ċerimonja tal-ħatra saret fil-preżenza tal-Prim Ministru Robert Abela, li kien akkumpanjat mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza Edward Zammit Lewis.

Il-gvern itenni r-ringrazzjament tiegħu lill-Prim Imħallef uxxenti Joseph Azzopardi u jifraħ lill-Prim Imħallef il-ġdid Mark Chetcuti, u jawguralu ħidma siewja lejn il-ġudikatura, kif ukoll lejn l-istat Malti.

Il-gvern jirrimarka li l-qbil storiku li seħħ fil-Parlament Malti hu l-bidu ta’ sensiela ta’ bidliet li hemm ippjanati li jsiru, kemm fil-Kostituzzjoni, kif ukoll fil-liġijiet ordinarji ta’ pajjiżna, dwar kif għandhom jiġu maħtura ġudikanti ġodda u dwar kif għandu jiġi maħtur Prim Imħallef, soġġett li dak maqbul jiġi approvat mill-Kummissjoni ta’ Venezja.