Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra għal libertà proviżorja lil Yorgen Fenech

Għal darba oħra l-Qorti Kriminali ċaħdet talba biex Yorgen Fenech, l-allegat mandant fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jingħata l-libertà proviżorja.  L-Imħallef Edwina Grima qalet li s-sid tal-kumpanija 17 Black għandu jibqa’ arrestat minħabba li l-kriminalità li għaliha huwa jinsab akkużat biha quddiem il-Qorti hija waħda serja biżżejjed li timmerita arrest preventiv.  

Din kienet it-tielet talba li saret minn Fenech għal libertà proviżorja bil-Qorti tgħid li m’hemmx tibdil fiċ-ċirkustanzi la darba żewġ talbiet oħra għall-ħelsien mill-arrest ġew ukoll irrifjutati.

Yorgen Fenech kien tressaq il-Qorti b’rabta mal-qtil ta’ Caruana Galizia f’Novembru li għadda, u wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Meta l-Qorti kien għadu jiltaqa’ b’mod normali, Fenech kien diġa għamel talba għall-ħelsien mill-arrest, li kienet ġiet rifjutata.

Ix-xahar li għadda, Fenech kien ukoll issottometta talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba kienet ġiet irrifjutata. Hu kien argumenta li d-dritt tiegħu għal smigħ ġust kien inkiser meta l-Qorti ġiet sospiża kawża tal-pandemija tal-coronavirus f’Malta.

Id-difiża argumentat li l-klijent tagħha kien qed jinżamm f’arrest preventiv mingħajr il-possibbiltà li l-Qorti tisma’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest. Argumentat ukoll li ż-żamma tiegħu f’ambjent ta’ ħabs kienet qed timponi wkoll riskju fuq is-saħħa tiegħu.

L-Imħallef Edwina Grima m’aċċettatx l-argumenti tad-difiża. Il-Qorti qalet li m’hemmx tibdil fiċ-ċirkustanzi ladarba żewġ talbiet oħra għall-ħelsien mill-arrest ġew irrifjutati. L-Avukati Marion Camilleri u Gianluca Caruana Curran deheru f’isem l-akkużat.