Fl-aħħar jumejn, spikkat l-aħbar li l-manager ta’ Tottenham Josè Mourinho kien qed jagħmel sessjoni fil-park pubbliku ta’ Hadley Common f’Barnet. B’reazzjoni għal din l-aħbar li saret popolari, Mourinho aċċetta li ma mexiex mal-protokoll tal-gvern li jkollhom kuntatt biss ma’ dawk li jgħixu fl-istess dar. Il-gwida tal-gvern hi li n-nies iridu jħallu djarhom għal bżonnijiet veru limitati, fosthom forma ta’ eżerċizzju kuljum. Dan l-episodju kien iżolat hekk kif is-sessjonijiet ta’ Tottenham bħala grupp qed isiru online.
Jidher li Mourinho u l-midfielder Tanguy Ndombele jgħixu viċin xulxin u ltaqgħu għal sessjoni li damet anqas minn siegħa. F’dan il-mument ta’ waqfa, il-plejers iridu jżommu l-forma fiżika tagħhom almenu fuq livell bażiku. Jidher li għal dan l-għan, Mourinho pprefera jmur hu milli jibgħat persuna apposta, anki biex jara hu stess l-aspett psikoloġiku ta’ plejer li kemm ilu li ngħaqad ma’ Tottenham ftit li xejn kien konsistenti.
Kull plejer ta’ Tottenham għandu programm personalizzat biex iżomm il-kundizzjoni fiżika permezz ta’ filmati. Skont dak li kien irrappurtat fil-media Ingliża, il-plejers Ryan Sessegnon u Davinson Sanchez kienu għaddejjin bit-taħriġ tagħhom, hekk kif joqogħdu fl-akwata ta’ Ndombele. Hekk kif raw lil Mourinho u Ndombele jidher li ltaqgħu fil-qosor anki għal xi struzzjonijiet u b’rispett lejn ir-regoli tad-distanza soċjali.
//= $special ?>