Coronavirus Lokali

Naħdmu fuq livell Ewropew biex negħlbu d-diffikultajiet tal-COVID-19 – PN

Il-PN qiegħed jaħdem anki fuq livell Ewropew biex pajjiżna jegħleb id-diffikultajiet li l-imxija tal-Covid-19 qed toħloq.

“Irridu naraw li mill-budget Ewropew ninċentivaw bi programmi għar-riċerka u l-innovazzjoni sabiex meta tgħaddi l-kriżi bl-imxija tal-COVID-19 nqumu kemm soċjalment kif ukoll ekonomikament. Il-politika trid dejjem tirrifletti l-ħtiġijiet tan-nies u mhux aċċettabbli li xi ħadd jieħu vantaġġ mill-imxija bl-azzjonijiet jew bin-nuqqas tad-deċiżjonijiet.”, hekk qal l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco waqt konferenza tal-aħbarijiet ma’ Roberta Metsola, David Casa u Kristy Debono, li matulha ġiet elenkata ħidma li qed issir mill-PN u d-dimensjoni Ewropea tal-imxija tal-COVID-19. 

Mario de Marco qal li l-Gvern għandu juża l-budget Ewropew biex noħorġu iżjed b’saħħitna mill-kriżi tal-imxija tal-COVID-19 u jagħmel użu minn dawn il-fondi biex fost l-oħrajn jinċentiva s-settur privat biex dak kollu li nbena ma jintilifx. Dan billi jiġi nnegozjat bl-aħjar mod il-budget Ewropew għas-seba’ snin li ġejjin u li l-aċċess għall-fondi Ewropej jintużaw b’mod li jkun hemm level playing field għal kulħadd sabiex ħadd ma jaqa’ lura.

Huwa qal li l-Unjoni Ewropea hija mibnija fuq pilastri li fuqhom jistrieħu l-ekonomija u l-bniedem; is-solidarjetà Ewropea b’benefiċċji ekonomiċi u soċjali; l-flessibbiltà li naddattaw; strutturi adegwati li jwieġbu malajr għall-ħtiġijiet tan-nies bil-fondi disponibbli.

L-Unjoni Ewropea kienet storja ta’ suċċess bil-ħarsien tas-saltna tad-dritt, għall-ġustizzja soċjali u l-ġid komuni. Huwa qal li f’dawn iż-żminijiet ma tistax titkellem fuq it-tkabbir ekonomiku imma l-attività ekonomika tista’ tissopravvivi jekk ikun hemm bidla fil-perspettiva b’tibdil li jkunu mfassla fuq il-valuri.

Il-PN qiegħed jaħdem anki fuq livell Ewropew biex pajjiżna jegħleb id-diffikultajiet li l-imxija tal-Covid-19 qed toħloq.

Mario de Marco qal li dawn huma żminijiet ferm diffiċli iżda rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu għal Ewropa ħanina, solidali, b’saħħitha u nnovattiva, nadifa u iżjed Ewropea. 

Roberta Metsola qalet li r-rispons meħtieġ għas-sitwazzjoni tal-lum hija s-solidarjetà u li l-ġustizzja soċjali titlob li ħadd ma jitħalla barra u kulħadd ikun mgħejjun. Bl-għajnuna tal-fondi nistghu niżguraw li ħadd ma jkun eskluż. Hija qalet li l-flessibbiltà hija kruċjali għax huwa essenzjali li naddattaw għal dawn iċ-ċirkustanzi tal-lum u eżempju ta’ dan huwa l-ħolqien tal-green lanes, fejn minkejja li ingħalqu l-fruntieri sabiex nikkontrollaw l-imxija, qed nassiguraw li pajjiżna jkollu provvista ta’ ikel u apparat neċessarju.

Roberta Metsola spjegat kif l-PPE addotta pakkett ta’ solidarjetà ta’ €50 biljun oħra intiżi sabiex isaħħu l-ġlieda tal-Unjoni Ewropea kontra l-COVID-19. Saret ħidma sabiex jiġu rilaxxati r-regoli dwar state aid, regoli li jagħtu lill-operaturi ekonomiċi aktar għajnuniet u fl-aħħar jiem ġie ffinalizzat pakkett finanzjarju ieħor b’€100 biljun li jgħin kontra l-qgħad biex kulħadd iżomm xogħlu. Wara li tgħaddi din il-kriżi, huwa importanti li ma nibżgħux ninvestu u nieħdu inizjattivi ġodda.

Roberta Metsola qalet li jeħtieġ li kumpaniji bħall-Air Malta jinżammu fuq saqajhom. Hija appellat għall-kuraġġ għaliex bil-ħidma tagħna lkoll, dan iż-żmien diffiċli kapaċi jkun iż-żerriegħa ta’ futur aħjar. 

David Casa qal li dan huwa test għall-Unjoni Ewropea, li għandha taħtaf l-opportunità biex sservi ta’ spalla għall-pajjiżi membri. Dan jista’ jsir permezz tad-diversi fondi disponibbli. Huwa qal li fil-jiem li għaddew l-MEPs tal-PN vvutaw favur inizjattiva fejn fondi mill-budget tal-Unjoni Ewropea li ma ntużawx, imorru għand il-gvernijiet.

L-MEP David Casa

Casa spjega kif fil-jiem li ġejjin il-Parlament Ewropew se jivvota fuq l-inizjattiva għall-investiment tar-rispons dwar il-COVID-19 li se jżid il-flessibbiltà dwar il-co-financing, fejn jintużaw fondi mingħajr ma jinħarġu flus mill-gvernijiet u jkunu jistgħu jitrasferixxu fondi minn fond għal ieħor. Huwa esprima d-diżappunt tiegħu għall-fatt li ma ntlaħaqx ftehim bejn l-Ministri tal-Finanzi tal-pajjiżi membri u appella lill-gvernijiet biex isibu qbil malajr.

L-UE wkoll qed toffri skemi ta’ self intiżi biex jgħinu biex jinżammu l-impjiegi, u pajjiżna b’dan il-fond jista’ jssaħħaħ l-iskema li diġà għandu u jiġu mgħejjuna dawk li ġew esklużi mill-Gvern. David Casa appella biex l-awtoritajiet Maltin jagħtu messaġġ wieħed sabiex in-nies ikollhom sitwazzjoni aktar ċara quddiehom.

David Casa rringrazzja lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa u dawk li baqghu jahdmu u lill-ħaddiema tal-Air Malta li tilfu l-impjiegi tagħhom fl-aħħar sigħat. Kristy Debono qalet li l-proġett Ewropew beda f’wieħed mill-agħar mumenti tal-istorja Ewropea u llum qegħdin nerġgħu ngħixu perjodu ikrah fi żmien fejn l-għadu huwa wieħed inviżibbli, li ġab għarkubtejh lid-dinja kollha u li qed jattakka s-sistema ekonomija u soċjali tagħna. Dan meta qed jiġi imbassar livelli rekord ta’ qgħad u reviżjonijiet ‘l isfel għat-tbassir ekonomiku.

Kristy Debono qalet li l-imxija tal-COVID-19 qed tolqotna b’mod personali, nazzjonali u globali u għalhekk jeħtieġ li nsibu s-soluzzjonijiet, fil-livell Ewropew ukoll.

Il-PN qed jaħdem biex iwassal il-messaġġ li din hija problema li rridu noħorġu minnha flimkien, f’livell nazzjonali u multilaterali biex nagħtu stimolu lill-ekonomija Ewropea. Hija qalet li l-Unjoni Ewropea tista’ tkun il-mutur li tgħin lill-pajjiżi membri joħorġu minn din il-kriżi u għalhekk għandna nassiguraw li ma jkunx hemm telfien tal-impjiegi u iżjed negozji li jagħlqu, filwaqt li jkollhom aċċess aħjar għalll-fondi li jintużaw bl-ikbar reqqa u fejn ikunu l-iżjed effettivi.

Kristy Debono qalet li l-Gvern jista’ jagħmel ħafna iżjed biex jgħin lill-ħaddiema u n-negozji. Għandna nagħmlu użu miċ-ċokon ta’ pajjiżna biex nindirizzaw id-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw. Din il-konferenza tal-aħbarjiet kienet indirizzata mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, l-Membri tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u David Casa permezz tal-video conference u Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono.