Internazzjonali

Raġel Iżraeljan akkużat bħala spjun għall-Iran

Raġel Iżraeljan qed jiffaċċja akkużi b’konnessjoni ma’ spjunaġġ fl-interessi tal-Iran – b’akkużi oħrajn fil-konfront tiegħu jirreferu għal sitwazzjoni fejn hu kien qed iħejji għal attakki terroristiċi f’Iżrael. L-akkużat ma jistax ikun identifikat pubblikament minħabba raġunijiet legali.

Intant, is-servizzi interni tas-sigurtà ta’ Shin Bet qalu li r-raġel kien qed ikollu taħditiet mas-servizzi sigrieti Iranjani biex jirrekluta numru ta’ Iżraeljani Għarab ħalli jmexxu l-attakki fl-artijiet ta’ Iżrael. Fil-fatt, ir-raġel qed ikun akkużat ‘b’aġir intiż biex idgħajjef is-sigurtà tal-pajjiż ( Iżrael)’.

L-Iran u Iżrael ilhom għedewwa kbar mir-Rivoluzzjoni Iżlamika storika tal-1979 fl-Iran — b’dan il-pajjiż ilu dawn is-snin kollha jiċħad id-dritt ta’ Iżrael li jeżisti bħala Stat.

Meta r-raġel inkwistjoni kien arrestat matul ix-xahar li għadda hu – skont is-sorsi qrib Shin Bet – instab fil-pussess ta’ hard drive tal-kompjuter u tagħmir speċjali għall-konversjoni ta’ data jew informazzjoni f’kodiċi.

L-aġenzija sigrieta qalet ukoll li r-raġel kien tħallas somma flus biex jipprovdi lill-Iran b’informazzjoni dwar numru ta’ siti importanti f’Iżrael.

Qed jingħad, sadanittant, li l-akkużat, diversi drabi, kien f’kuntatt ma’ raġel Lebaniż li hu membru tal-grupp militanti bl-isem Front Popolari għal-Liberazzjoni tal-Palestina.

Hu allegat, fl-istess ħin, li l-akkużat iltaqa’ ma’ żewġ persuni f’Budapest ( fl-Ungerija) li qalu li huma membri tal-qawwiet tas-sigurtà Iranjani.

Skont rapport tal-gazzetta Haaretz, l-Iżraeljan arrestat, waqt din il-laqgħa, kien ipprovda lil dawn il-membri ‘b’informazzjoni intiża biex tgħin lill-impenji tal-Iran bl-iskop li ssir ħsara lil Iżrael’.

Il-kelliema għal Shin Bedt spjegaw li, waqt il-vjaġġi, l-Iżraeljan irċieva l-fondi, it-taħriġ, tagħmir għal ħidma ta’ encryption u kodiċi biex bihom ikun jista’ iżomm il-kuntatt sigriet mal-membri tal-qawwiet tas-sigurtà Iranjani waqt li jkun qed jgħix f’Iżrael.

L-iżvilupp ifakkar fil-każ tal-eks Ministru tal-Kabinett Iżraeljam, Gonen Segev, li, is-sena l-oħra, kien ikkundannat għal priġunerija wara li ammetta li kien qed jispjuna għall-Iran.