Coronavirus Knisja Lokali

Seba’ waqfiet ma’ Ġesù f’Ħamis ix-Xirka

L-Arċisqof Charles Scicluna ser imexxi mument ta’ talb u riflessjoni mill-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, bit-tema ‘Seba’ Waqfiet ma’ Ġesù’. Dan ser jixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin u fuq mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali oħra, fosthom fuq Net TV, għada, 9 ta’ April, Ħamis ix-Xirka, fit-8:30 p.m.

Din is-sena, flok is-Seba’ Visti fejn is-soltu isir pellegrinaġġ f’seba’ knejjes, l-Insara qed jiġu mistiedna biex bħad-dixxipli fl-aħħar lejl ma’ Ġesù, jishru miegħu. Permezz ta’ riżorsi diġitali ta’ talb li ħejjiet l-Arċidjoċesi ta’ Malta għal dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, it-test ta’ dan il-mument ta’ talb, kemm bil-Malti u wkoll bl-Ingliż, hu disponibbli online fuq soter.knisja.mt.

F’dan il-mument diffiċli, Mons. Arċisqof ser imexxi talb u riflessjonijiet b’qari mill-Evanġelju skont San Ġwann mir-rakkont tal-Aħħar Ċena. Bħad-dixxipli fiċ-ċenaklu mal-Imgħallem, mid-djar tagħna ser ‘niltaqgħu’ fil-Katidral għal mument ta’ talb b’ispirazzjoni mill-arti ta’ dan it-tempju.

Janimaw dan it-talb: Paul u Denise Mintoff, Jacob Portelli fuq iċ-ċetra u l-arpa, u Giulia Privitelli, storika tal-arti minn Pietre Vive, li se taqsam riflessjonijiet dwar xogħlijiet mill-patrimonju artistiku tal-Katidral marbuta mas-siltijiet mill-Iskrittura li ser jinqraw.