Lokali

Solvuta serqa li seħħet ilbieraħ fl-Imsida

Il-fatt li l-Pulizija qed twettaq xogħol ta’ infurzar b’rabta mal-imxija tal-COVID-19, dan ma waqqafx lill-Pulizija milli tkompli bil-ġlieda tagħha kontra l-kriminalità. Din il-ħidma ħalliet il-frott mixtieq, bil-Pulizija tad-Distrett ta’ Tas-Sliema rnexxielha fi ftit sigħat issolvi serqa li seħħet minn residenza ta’ anzjana.

B’rabta ma’ din is-serqa, il-Pulizija arrestat persuna ta’ 45 sena, waqt li nstabu wkoll l-ġojjellerija kollha li nsterqu mir-residenza.

L-Assistent Kummissarju Alexandra Mamo, responsabbli mis-Sitt Distrett, qalet li “minkejja l-ġranet twal sabiex ninforzaw il-liġijiet fejn tidħol il-COVID-19, ix-xogħol tagħna baqa’ għaddej. Kien ta’ pjaċir tagħna li meta l-anzjana ġiet l-għassa biex inkellmuha, rajna wiċċha jixgħel hekk kif infurmajniha li solvejna l-każ f’ħin relattivament qasir.”

Il-bieraħ wara nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kienet għadha kemm seħħet serqa minn residenza ta’ anzjana ta’ 79 sena fl-Imsida. Mill-ewwel stħarriġ illi sar rriżulta li mara ħabtet il-bieb ta’ barra tar-residenza, liebsa surgical mask ma’ ħalqha u li qalet lill-anzjana li hija qed tirrappreżenta kumpanija li tgħin lill-persuni vulnerabbli.

L-Assistent Kummissarju Mamo, qalet li minn stħarriġ li sar, immexxi mill-Ispettur Jonathan Ransley, irriżulta li l-kumpanija, li semmiet l-persuna li allegatament wettqet is-serqa, ma kienet bagħtet lil ħadd għand l-anzjana.

L-appell tal-pulizija speċjalment lill-persuni vulnerabbli huwa biex ma jiftħu lil ħadd u ma jdaħħlu lil ħadd fid-dar jekk ma jkunux qed jistennew lil xi ħadd li jafuli se jmur għandhom. Jekk ikollhom suspett,
iċemplu mill-ewwel lill-Pulizija.

Minn aktar stħarriġ illi sar irriżulta li mill-kamra tas-sodda insteraq ammont ta’ ġojjellerija. L-investigazzjonijiet issoktaw fis-sigħat ta’ wara fejn ġiet identifikata l-persuna li allegatament wettqet is-serqa u ġiet arrestata filgħaxija. L-oġġetti misruqa instabu wkoll.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.