Coronavirus Lokali Saħħa

AĠĠORNATA: “Il-klieb ġew infettati mis-sidien tagħhom” – tliet każi madwar id-dinja

Il-każ tat-tigra għadu ma ġiex konfermat

L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa tal-Annimali (OIE) ikkonfermat li tliet annimali madwar id-dinja rriżultaw fil-pożittiv għall-COVID-19.

Minn dawn, tnejn kienu klieb minn Hong Kong li ma urew l-ebda sinjal kliniku ta’ mard relatat mal-COVID 19. Qattusa fil-Belġju, li sidha kien diġà kkonfermat pożittiv għall-virus uriet xi sinjali kliniċi. Din il-qattusa ġiet swabbjata minn sidha stess u għalhekk, għalkemm irriżultat pożittiva għall-COVID 19, jibqa’ dubji dwar kontaminazzjoni tal-ambjent li seta’ qarraq bir-riżultat finali tat-testijiet li saru fuq dan l-annimal.

Il-veterinarju Carl Bonello Cole, President tal-Veterinarji Maltin, saħaq ma NET NEWS illi fil-każijiet rappurtati sa issa “kienu is-sidien li infettaw lill-annimali domestiċi”.

Reċentement ġie rrappurtat każ ta’ tigra li rriżultat pożittiva minn żoo ġewwa New York. Dan il-każ għadu ma ġiex ikkonfermat mill-istess OIE.

Fi stqarrija maħruġa mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Veterinarji ntqal li bħalissa qed isiru diversi studji sabiex jiġi magħruf jekk jeżistix xi mekkaniżmu li bih annimali jistgħu jiġu nfettatti bil-COVID 19. Il-laboratorji internazzjonali għal dan il-għan għamlu diversi testijiet li s’issa irriżultaw kollha fin-negattiv.

L-annimali li qed jirriżultaw pożittivi huma każijiet fejn hemm kuntatt dirett u viċin ma’ pazjenti umani. L-istqarrija tgħid li għaldaqstant, jekk persuna tħossha ma tiflaħx, aħjar li tevita kuntatt dirett mal-annimali u ssegwi d-direttivi maħruġa mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

Annimali ta’ pazjenti kkonfermati pożittivi għall-COVID 19 għandhom, sakemm hu possibli, iżommu l-annimali tagħhom ġewwa. Għalkemm l-annimali s’issa, mill-evidenza miġbura u ppubblikata, ma jidhirx illi jistgħu jiġu nfettati b’dan il-virus, jibqa’ r-riskju li dawn ikollhom il-pil, suf jew ġilda tagħhom kkontaminata minn persuni pożittivi li jiġu f’kuntatt qrib magħhom. Għalhekk, l-iġiene personali meta persuna tiġi f’kuntatt ma’ annimali ta’ pazjenti pożittivi għall-COVID-19 għandha tirrispetta d-direttivi maħruġa u ċioe li għandhom jinħaslu l-idejn bl-ilma u sapun u jittieħdu l-miżuri kollha sabiex il-firxa ta’ dan il-virus ma tkomplix.

Jista’ annimal jinfetta bniedem?

Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn jista’ jiġi suspettat il-possibilità li l-infezzjoni tgħaddi minn annimal għal bniedem f’dan il-ħin. It-trasmissjoni tal-virus tibqa dik ta’ bniedem għal bniedem.

Nista’ nittestja lill-annimali tiegħi għall-COVID 19?

F’dan il-mument ma jeżistux testijiet kummerċjali li jistgħu jintużaw fuq l-annimali. Ma jeżistu l-anqas l-ebda rakkomandazzjonijiet sabiex l-annimali tagħna jiġu ttestjati. Jekk kemm il-darba l-annimali tiegħek qegħdin juru sinjali ta’ mard respiratorju bħal sogħla, għatis jew diffikultà fin-nifs, kellem dejjem il-veterinarju tiegħek. Avża f’każ li inti persuna li qed tosserva perjodu ta’ kwarantina skond ir-rakkomandazzjonijiet tas-servizzi tas-saħħa pubblika jew jekk inti pazjent li rriżultajt pożittiv għal COVID 19. L-assoċjazzjoni Maltija tal-veterinarji qeda ssegwi mil-qrib l-iżviluppi fir-rigward ta’ din l-imxija u l-impatt li dan jista’ jkollu fuq l-annimali tagħna.

Intant xjentisti veterinarji rrakomandaw lis-sidien tal-qtates sabiex iżommu l-annimali domestiċi tagħhom ġewwa sabiex jipprevjenu t-tixrid tal-coronavirus.

Iżda l-Assoċjazzjoni Veterinarja Brittanika qalet li s-sidien m’għandhomx għalfejn jinkwetaw dwar kwalunkwe riskju ta’ infezzjoni mill-annimali domestiċi tagħhom. S’issa ma kienx hemm każ wieħed ta’ kelb jew qattus li infetta bniedem bil-COVID-19. Ir-riċerka uriet li qtates jistgħu jieħdu dan il-virus minn qtates oħra.