Futbol Sport

106 SNIN ILU: St. George’s l-ewwel tim Malti tal-futbol li ħalla pajjiżna biex jilgħab kontra tim barrani

9 TA’ APRIL 1914

Il-ġurnata tad-9 ta’ April tal-1914 se tibqa’ mniżżla bħala data storika għall-futbol Malti. Dakinhar St. George’s kienu saru l-ewwel tim Malti li ħalla pajjiżna biex jilgħab kontra avversarji barranin. Illum f’kull staġun erba’ timijiet Maltin jilagħbu fil-kompetizzjonijiet Ewropej. Dakinhar is-sitwazzjoni kienet differenti hekk kif il-kontinġent ta’ St. George’s ħalla Malta fuq vapur bl-isem S.S. Carthage u wasal Tuneż, il-kapitali tat-Tuneżija.

Kollox beda minn korrispondenza bejn St. George’s u l-klabb Tuneżin Racing Club, bil-Bormliżi jippjanaw li jilagħbu żewġ logħbiet. Fost il-kundizzjonijiet kien hemm li Racing Club iħallsu l-passaġġ bir-ritorn ta’ 13-il plejer u rappreżentant tal-kumitat imbagħad St. George’s riedu jagħmlu l-istess fix-xahar ta’ wara. Iżda daqs kemm kienet viċin li sseħħ, din l-idea setgħet ikkrollat. Dan minħabba li t-tmexxija tal-Mile-End Ground ma riditx talloka l-ground lil St. George’s fid-data mixtieqa minnhom. Il-preparamenti komplew għaddejjin minħabba li f’ittra fil-15 ta’ Marzu, l-uffiċjali tal-klabb Tuneżin ma baqgħux jinsistu dwar din il-parti tal-ftehim.

L-ewwel logħba ntlagħbet il-Ħadd 12 ta’ April, b’St. George’s joħorġu rebbieħa 6-3 kontra ċ-champions tat-Tuneżija. Waqt il-mistrieħ, it-tim Malti kien ippreżentat bi statwetta ta’ gladjatur. L-għada, St. George’s lagħbu t-tieni logħba u reġgħu rebħu iżda bl-iskor ta’ 8-1. L-esperjenza tagħhom damet ġimgħa hekk kif irritornaw f’pajjiżna fis-16 ta’ April. Il-kontinġent ta’ St. George’s kien magħmul mill-uffiċjali Salvatore Gulia, Salvu Said u Giuseppe Cini. Il-plejers kienu A. Flask, S. Sachet, ‘Balolu’ Busuttil, P. Hili, J. Fearne (captain), J. Seychell, G. Ciantar, C. Tabone, J. Tagliaferro, ‘Masu Hick’, J. Pisani u C. Scicluna.