Lokali

AĠĠORNATA: 64 immigrant jiddaħħal f’Malta

150 immigrant fil-baħar Mediterran

Ftit wra nofs il-lejl iddaħħal f’Malta grupp ta’ immigrant fix-xatt tal-Isla. Dan f’konferma tal-aħbar li kienet żvelata iktar kmieni llum minn Net News.

Fil-post fejn żbarkaw l-immigranti intramat ukoll tinda fejn uħud li kellhom bżonn attenzjoni medika ġew invistati. Mill-inqas 14 minn dawk abbord il-patrol boat tal-AFM dehru jiddaħlu għal xi ħin f’din it-tinda.

Iktar kmieni: Tlett dgħajjes b’aktar minn 150 immigrant kumplessivi abbord jinsabu maqbuda bejn sema u ilma wara li ġew rifjutati mill-Italja.

F’diversi Tweets fuq il-midja soċjali, l-għaqda non-governattiva Alarm Phone appellat lill-awtoritajiet Ewropej sabiex jgħinu lil dawn il-persuni li qed jirriskjaw imutu wara li ħarbu mil-Libja. Alarm Phone rrapportaw li l-Ewropej qed jisħqu li mhux kompetenza tagħhom, filwaqt li l-Libjani saħqu li ma jistgħux joħorġu għalihom minħabba nuqqas ta’ riżorsi.

Sorsi qrib il-Forzi Armati ta’ Malta kkonfermaw ma’ Net News li kollox jindika li dgħajsa oħra b’madwar 65 immigrant irregolari ser tkun qed tiddaħħal Malta fis-sigħat li ġejjin. Dan wara l istess dgħajsa kienet ilha 24 siegħa fiz-zona SAR ta’ Malta.

Aktar kmieni Alarm Phone kienu appellaw lill-Awtoritajiet Maltin sabiex isalvaw ħajjiet dawn in-nies mingħajr ebda dewmien.

Fi stqarrija l-Gvern Malti kkonferma din l-aħbar fejn intqal li dawn l-immigranti ser jinżammu f’detenzjoni.

Fl-istess waqt il-Gvern saħaq li fid-dawl tas-sitwazzjoni tal-COVID-19 f’Malta, il-pajjiż mhux f’pożizzjoni li jiggarantixxi salvataġġ għal dawn l-immigranti filwaqt li fakkar li ninsabu fi stat ta’ emerġenza għas-saħħa pubblika.

L-istqarrija kompliet tgħid li jekk jiġu aċċettati immigranti, dan jista’ jaffetwa l-imxija tal-virus f’Malta għaliex uħud minnhom jista’ jkollhom il-coronavirus u għalhekk jippreġudikaw il-ħidma tal-awtoritajiet kontra l-COVID-19.

Il-Gvern Malti saħaq li mhux f’pożizzjoni li joffri post sigur għal dawn l-immigranti iżda fost din l-informazzjoni kollha, finalment l-istqarrija temmet tgħid li l-immigranti kollha ser jiddaħlu Malta fil-ħin li ġej.

Fid-dawl ta’ dan kollu, kienet konfermata l-aħbar ta’ Net News li l-Kabinett iltaqa’ biex iddiskuta din is-sitwazzjoni.