Lokali Qorti

Akkużata li għamlitha ta’ rappreżentant tas-saħħa biex serqet ġojjellerija minn dar ta’ anzjana

Mara ta’ 45 sena, magħrufa sew mal-Pulizija ġiet akkużata li għamlitha ta’ rappreżentant tas-saħħa biex serqet diversi biċċiet ta’ ġojjellerija wħud minnhom sentimentali għad-dannu ta’ anzjana ta’ 79 sena.

Natalie Bonello li l-aħħar li kienet qiegħda tgħix Marsaskala nżammet arrestata wara li nqdiet bil-Coronavirus biex daħlet f’residenza ġewwa l-Imsida.

Flimkien ma’ mara oħra, li mistennija titressaq il-Qorti nhar it-Tnejn, Bonello, li kienet liebsa ‘surgical mask’ ħabtet il-bieb u qalet lill-anzjana li hija kienet rappreżentanta tas-saħħa pubblika u mibgħuta minn kumpanija privata biex tara jekk hux kollox sew. Qaltilha li xogħolha huwa li tgħin persuni vulnerabbli.

L-anzjana daħlitha d-dar u f’ħin minnhom l-akkużata talbitha biex tuża’ l-bathroom. Kien hemm li allegatament seħħet is-serqa ta’ għadd ta’ ċrieket u ġiżirajjen. Iċ-ċrieket li huma sentimentali ġew irritornati lura, iżda il-ġiżirajjen u xi oġġetti oħra għadhom sa issa ma nstabux.

Bonello li għandha problema ta’ droga tressqet quddiem il-Maġistrat Clare Stafrace Zammit ġiet akkużata li serqet b’aktar minn €2,333 f’ġojjellerija u li hija reċediva. Hi wieġbet mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontriha.

L-avukat tal-għajnuna legali Charmaine Cherrett għamlet talba għall-helsien mill-arrest fejn tenniet li Bonello ikkoperat mal-pulizija u għenet sabiex tiġi arrestata l-mara l-oħra. L-avukat qalet li hija ma tantx kellha passat feliċi iżda dan l-aħħar bdiet tirriforma ruħha.

Il-Prosekuzjoni mmexxija mill-Ispettur Jonathan Ransley li għadu għaddej bl-investigazzjonijiet dwar dan il-każ oppona għal din it-talba minħabba fost oħrajn in-nuqqas ta’ affidabilità tal-akkużata.  Il-Maġistrat Clare Stafrace Zammit qalet li l-anzjani bħalissa mhux jgħixu f’sitwazzjoni feliċi u dak li għamlet seta’ kellu konsegwenza aktar gravi fuq il-vittma.

Hija ma setgħetx tifhem x’kuxjenza jrid ikollu biex xi ħadd jagħmel dan l-aġir. L-Ispettur Jonathan Ransley qal li hemm persuna oħra li għad trid tiġi arrestata li hija ħabiba tal-akkużata. Il-Maġistrat għaldaqstant ordnat sabiex Bonello tinżamm arrestata.

L-anzjana marret l-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida biex tagħmel rapport li sfat misruqa u kienet sodisfatta meta din ġiet infurmata li l-każ kien ġie solvut mill-ewwel.