Lokali Transport

Bicycle Advocacy Group u Infrastructure Malta jaħdmu flimkien għall-ġid taċ-ċiklisti

Infrastructure Malta u l-Bicycle Advocacy Group (BAG) qegħdin jaħdmu flimkien biex itejbu s-sigurezza u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida għaċ ċiklisti fi proġetti li qegħdin isiru bħalissa jew li huma ppjanati għaż-żmien li ġej.  

Fi stqarrija konġunta mill-Bicycle Advocary Group ingħad li b’riżultat ta’ din il-konsultazzjoni kontinwa, Infrastructure Malta qed iżżid mina (underpass) ġdida fil-Marsa Junction Project, biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir rota minn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Santa Luċija lejn il-Marsa u Ħal Qormi, jew bil-kontra.

Il-mina ġdida twila 10 metri se tinfetaħ għaċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi sal-aħħar ta’ din is sena, flimkien ma’ aktar minn kilometru ta’ korsiji għar-roti li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti mill-istess proġett. 

Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini mill-ġdid tal aktar junction li tintuża fis-sistema tat-toroq Maltin, tul ir-rotta arterjali prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta tan-network Ewropew TEN-T. 

Minbarra seba’ flyovers ġodda li qed jeliminaw it-traffic lights qodma li kien hemm f’din il-junction u li se jnaqqsu l-ħin fl-ivvjaġġar u l-emissjonijiet ikkaġunati mill konġestjoni tul din ir-rotta, dan l-investiment ta’ €70 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea se joħloq ukoll bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u tmien waqfiet għall-karozzi tal-linja, żewġ żoni ta’ park and ride u passaġġi għar-roti mifrudin mit-triq.

Dawn il-faċilitajiet se jkunu mdawwrin b’żoni msebbħin bis-siġar, pjanti u xogħlijiet artistiċi għall-pubbliku. Bil-korsiji għar-roti maqtugħin għalihom u passaġġi oħrajn għall-mixi u r-roti, dan il-proġett se joħloq rotta sigura għaċ-ċiklisti minn Raħal Ġdid għall-inħawi tal-Marsa Sports Grounds fil-Marsa, u lejn l-inħawi tal-korsa taż-żwiemel u l-venda tal-karozzi tal-linja f’Ħal Qormi.

Din ir-rotta se tiġi estiża lejn in nofsinhar għal Santa Luċija u Ħal Tarxien permezz ta’ 1.8 kilometri oħra ta’ passaġġi għall-mixi u r-roti li Infrastructure Malta qed tiżviluppa permezz ta’ proġetti oħrajn, fosthom dak li tlesta riċentement biex inbniet mill-ġdid Triq Ħal Luqa, f’Santa Luċija (ħdejn il-Ġnien Ċiniż tas-Serenità) u l-proġett taż-żewġ mini li qed jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija.  

Waqt laqgħat li saru mat-tim tal-Marsa Junction Project, il-Bicycle Advocacy Group saħaq dwar l-importanza ta’ din ir rotta bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u l-Marsa u rrimarka li l-pont pedonali li kien ippjanat li jsir fuq waħda mit-toroq ġodda ta’ dan il-proġett mhux mod konvenjenti għaċ-ċiklisti biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tat triq.

Wara li kienu riveduti l-pjanti tal proġett, Infrastructure Malta pproponiet li minflok il-pont issir mina qasira, b’tul ta’ 10 metri u wiesgħa 5 metri, mibnija mingħajr kantunieri li jxekklu l-vista, biex iċ ċiklisti u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jużawha bla periklu u bla biża’. 

Din is-soluzzjoni se tagħmilha possibbli għaċ-ċiklisti li jivvjaġġaw mill-inħawi tal junction ġdida tal Marsa tul rotta kontinwa mingħajr ma jkollhom għalfejn jinżlu minn fuq ir rota biex jirkbu l-liftjiet ħalli jitilgħu fuq il-pont.  

Infrastructure Malta qalet li se tkompli tikkonsulta mal BAG u għaqdiet jew organizzazzjonijiet oħrajn interessati biex kontinwament ittejjeb is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tas-sistema tat toroq f’Malta u ta’ infrastruttura oħra pubblika.  

Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com u www.bagmalta.org, jew segwi l-paġni ta’ Infrastructure Malta u BAG fuq Facebook jew midja soċjali oħra.