Coronavirus Lokali Saħħa

Servizz ta’ tqassim b’xejn ta’ mediċini

Tqassim fir-residenzi lill-klijenti kollha rreġistrati ma’ Brown’s Pharmacy taħt l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla tiegħek (POYC)

Brown’s Pharma Ltd ħabbru li b’effet immedjat iddaħħal fis-seħħ servizz gratis ta’ tqassim fid-djar lill-klijenti kollha rreġistrati ma’ Brown’s Pharmacy taħt l-iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Ta’ min wieħed jinnota li dan is-servizz qed jiġi mgħoti wkoll mill-Gvern iżda lil dawk il-persuni li jaqgħu taħt id-deskrizzjoni ta’ vulnerabbli biss.

Fi stqarrija l-kumpanija spjegat li bħala parti mill-isforzi sabiex hija stess tiffaċilità l-aċċess għall-ħtiġijiet tal-kura filwaqt li tindirizza l-bżonnijiet tas-saħħa assoċjati mal-pandemija tal-coronavirus, il-kumpanija qed tibda toffri dan is-servizz mil-lum stess.

Is-servizz huwa miftuħ għall-pazjenti kollha li huma rreġistrati ma’ kwalunkwè mit-18-il fergħa ta’ Brown’s Pharmacy madwar Malta sabiex jibbenefikaw mill-mediċini u l-prodotti ta’ farmaċewtika pprovduti b’xejn mill-Gvern.

Alexander Fenech, ko-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Brown’s Pharma Limited spjega il-ħsieb wara din l-inizzjattiva:

“Matul dan iż-żmien bla preċedent, il-klijenti tagħna jistgħu jserrħu rashom li l-ewwel prijorità tagħna hija s-sigurtà tagħhom. Qed nagħmluha faċli biex huma jirċievu l-mediċini li għandhom bżonn mill-kumdità ta’ djarhom, biex b’hekk nipproteġu kemm lilhom kif ukoll l-impjegati tagħna billi nnaqqsu n-numru ta’ persuni li jżuru l-ħwienet tagħna. Fil-ġimgħat li ġejjin aħna se nestendu s-servizz ta’ tqassim fid-djar għall-għażla sħiħa ta’ prodotti u servizzi li noffru. Ibqgħu id-dar. Ibqgħu f’saħħitkom. Ħallu lilna nieħdu ħsiebkom.”

Brown’s kienet proattiva sa mill-bidu nett tal-imxija biex toħroġ soluzzjonijiet li jiggarantixxu l-kontinwità tas-servizz lill-klijenti tagħha. Fost miżuri oħra, ġew installati Perspex fid-daħla ta’ kull spiżerija, il-ħaddiema kollha ngħataw kits tas-saħħa, u ġew ukoll sospiżi temporanjament is-servizzi li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u s-sbuħija.

Il-klijenti reġistrati għall-POYC ma’ Brown’s jistgħu jikkuntattjaw l-ispiżerija tagħhom permezz tat-telefon jew il-paġna Facebook . Il-klijenti jistgħu jordnaw kemm il-mediċini li huma intitolati għalihom taħt l-iskema kif ukoll prodotti oħra.