Sittax-il siegħa sħaħ f’laqgħa virtwali, u prattikament ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Hekk ġew deskritti d-diskussjonijiet bejn il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea f’laqgħa li kellhom dwar it-tieni pakkett ta’ għajnuna finanzjarja Ewropea fid-dawl taċ-ċirkostanzi ta’ COVID-19.
Bosta saħqu li din il-kriżi finanzjarja qed tfakkarhom f’dik li kellhom il-Griegi ftit tas-snin ilu, iżda agħar. Dan minħabba l-fatt li hemm il-biża’ serju li l-Unjoni Ewropea ser tkun qed tidħol f’riċessjoni twila kawża ta’ din il-pandemija.
“Imisskom tistħu” – Ministru Bruno Le Maire
Is-27 ministru fallew milli jsibu soluzzjoni għal ftehim fuq it-tieni pakkett ta’ għajnuna – wara li fl-aħħar ta’ Marzu l-UE qablet li toħroġ €37 biljun f’għajnuna finanzjarja. Madanakollu mas-sitta tal-Ħamis filgħodu huma qatgħu qalbhom.
Il-Ministru Franċiż sostna li filwaqt li fi Franza qed jgħoddu l-eluf ta’ fatalitajiet, il-bqija tal-Ministru qed jilgħabu bil-kliem, “imisskom tisħtu,” saħaq Bruno Le Maire, “qed tħammru wiċċ l-Ewropa”.
Fost id-diversi proposti, l-aktar waħda li niżlet tajjeb ma’ diversi ministru kienet dik li jinħoloq fond mnejn l-istati membri jkunu jistgħu jieħdu minnu u jerġgħu iħallsu lura l-flus fix-xhur li ġejjin.
Madanakollu l-Olandiżi saħqu li l-pagamenti jridu jitħallsu mill-ewwel. It-Taljani madanakollu mhux qed iħossuhom komdi li f’dan l-istadju jistgħu jintrabtu b’dejn li jitħallas immedjatament.
Il-Ministri mistennija jerġgħu jiltaqgħu virtwalment bil-għan li jintlaħaq ftehim bejniethom.
Dan huwa l-akbar test fl-istorja tal-Unjoni Ewropea
Intant il-Prim Ministru Taljan Giuseppe Conte saħaq li din il-pandemija taf teqred lill-Unjoni Ewropea darba għal dejjem. Huwa sostna li l-Unjoni trid taġixxi b’mod dirett, effettiv u immedjat sabiex tgħin lill-pajjiżi l-aktar milquta mill-Coronavirus.
Conte saħaq li dan huwa l-akbar test li l-Ewropa qatt kellha wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Għaldaqstant huwa qal li jekk ma nsibux mezz sabiex noħolqu opportunitajiet ġodda fl-Ewropa, mhux ser ikollna ħajja ġdida flimkien.
//= $special ?>