Coronavirus Internazzjonali Saħħa

Covid-19: L-Agħar ġurnata fir-Renju Unit u l-Istati Uniti

  • 938 imutu fir-Renju Unit, 1,973 fl-Istati Uniti
  • L-Istati Uniti l-agħar pajjiż milqut b’431,838 każ konfermat b’14,695 vittma
  • Il-PM Britanniku Boris Johnson iqatta’ t-tielet lejl f’kura intensiva fl-isptar iżda qaleb għall-aħjar – Downing Street

Ilbieraħ kienet l-agħar ġurnata għar-Renju Unit hekk kif 938 persuna mietu kaġun tal-Covid-19. Issa, in-numru totali ta’ vittmi fir-Renju Unit hu ta’ kważi 7,100. Sadanittant, il-PM Boris Johnson qatta t-tielet lejl taħt kura intensiva fl-Isptar għalkemm qed jingħad li l-qagħda tiegħu qalbet għall-aħjar. Johnson kien rappurtat li qed jikkomunika mat-tim mediku fl-Isptar St Thomas ta’ Londra.

L-istess fl-Istati Uniti hekk kif kien hemm 1,973 persuna ikkonfermati mejta f’temp ta’ 24 siegħa. B’kollox hemm kważi 432 elf każ ikkonfermat u mal-14,700 vittma fl-Istati Uniti, li issa sar l-iktar pajjiż li ntlaqat mill-pandemija tal-virus.  Il-President Amerikan Donald Trump qed jakkuża lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa li żbaljat fir-rispons tagħha għall-din il-pandemija, bid-Direttur Ġenerali tad-WHO jappella biex din il-kriżi ma tiġix politiċizzata.

Fl-Awstralja, il-pulizija televa il-voyage data recorder tal-cruise liner Ruby Princess. Apparat simili ħafna għall-block box tal-ajruplani. Il-Pulizija f’Sydney qed tinvestiga għaliex passiġġieri li kienu morda bil-Coronavirus tħallew jinżlu ‘l art. Mal-15-il passiġġier tilfu ħajjithom fil-ġranet sussegwenti.

Sadanittant, il-mexxejja tal-UE naqsu milli jaqblu dwar għajnuna finanzjarja lill-Istati Membri bit-taħdidiet jispiċċaw staġnati wara 16-il siegħa….u issa, mistennija jkomplu llum. Pajjizi bhall-Italja u Spanja qed jakkużaw lill-Ġermanja u l-Olanda illi mhumiex juru biżżejjed solidarjetà mal-istati li ntlaqtu ħażin ħafna mill-Coronavirus. Il-Bank Ċentrali Ewropew qal li l-Unjoni jista’ ikollha bżonn sa 1.5 triljun ewro biex tikkonfronta l-effetti tal-kriżi.