Coronavirus Knisja Lokali

Ħamis ix-Xirka li ser tidħol fl-istorja

Din is-sena ċertament il-Ħamis ix-Xirka ser ikun wieħed li jitlissen mal-ġenerazzjonijiet. Iċ-ċirkostanzi li xeħtitna fihom il-pandemija tal-Coronavirus waslitna sabiex dan il-perijodu ngħadduh ‘il bogħod minn kull funzjoni reliġjuża li aħna mdorrijin għalihom.

Illum, biċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Ħamis ix-Xirka, jingħata bidu għat-tridu tal-Għid – it-tlett ijiem li jħejju lill-Insara għall-aktar festa importanti tal-Knisja Kattolika; il-qawmien ta’ Sidna Ġesù Kristu fir-rebħa tiegħu fuq il-mewt.

Dan huwa l-jum li jfakkar fit-twaqqif tal-Ewkaristija u tas-saċerdozju. Kuntrarju għal dak li jiġri issoltu, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lum qed isiru f’ambjent għal kollox differenti – knejjes vojta, saċerdoti weħidhom u l-vari tradizzjonali baqgħu ġewwa.

Ta’ kull sena bħal lum eluf ta’ Maltin u Għawdxin jinġabru fil-knejjes għas-Seba’ Visti, jinġabru fuq iz-zuntier tal-knisja jixtru l-ikel tradizzjonali tal-‘Qgħaq tal-Appostli’, jingħaqdu fi tradizzjoni li ilha sseħħ għal aktar minn għoxrin sena tal-Mixgħela tas-Salib tal-Għolja u l-mixgħela bil-Fjakkoli fis-Siġġiewi jew fil-Maratona Annwali ta’ Puttinu. Bosta kienu wkoll iżuri l-wirjiet tal-Ġimgħa l-Kbira, kif ukoll wirjiet teatrali li jfakkru l-aħħar jiem ta’ Ġesù.

Madanakollu kawża tat-tifrix f’pajjiżna tal-Coronavirus dan kollu ġie pospost jew nkella mhux ser ikun qed isir fil-preżenza tal-pubbliku Nisrani.

Għaldaqstant dan il-Ħamis ix-Xirka, li jfakkar l-aħħar jum ta’ Sidna Ġesù Kristu flimkien mal-Appostli tiegħu qabel ma għadda mis-sofferenza sabiex jeħlisna minn dnubietna, ser ikun jum ta’ ġabra akbar mal-familja tagħna – taħt is-saqaf ta’ darna.

Diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex dalgħodu xorta tajjru l-bnadar bħala sinjal ta’ devozzjoni f’din il-ġurnata importanti għall-Knisja Kattolika.

Il-pandemija affetwat ukoll il-ġurnata ta’ għada, bil-purċissjonijiet tradizzjonali tal-Ġimgħa l-Kbira jitħassru kollha.

Il-Ħamis filgħodu, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-Uffiċċju tal-Qari u t-Tifħir ta’ Sbieħ il-Jum imxandar fuq NET Television. Fil-5.30 ta’ waranofsinhar ġiet imxandra wkoll il-Quddies ta’ Adorazzjoni biex titfakkar l-Aħħar Ċena – f’liema ċelebrazzjoni ma sarx il-ħasil tas-saqajn tal-appostli minħabba l-miżuri imposti kawża tal-pandemija.

Waqtha, l-Arċisqof Charles Scicluna ir-rit tal-ħasil tar-riġlejn m’aħniex ser nagħmluh kif aħna mdorrijin imma rridu ngħixuha. Huwa saħaq li l-ħsieb tiegħu imur f’dawk kollha li jinsabu fl-Isptarijiet tagħna, fir-residenzi u saħansitra fil-ħabs – dawk kollha li qed jikkumbattu fuq quddiem sabiex neħilsu minn dan l-għawġ – fosthom il-mediċi u membri tas-sigurtà.

Huwa saħaq li jittama li bħala poplu ma ndumux ma nerġgħu niltaqgħu bħala familja waħda flimkien fil-Knisja.

Finalment, fit-8.30 ta’ filgħaxija, l-Arċisqof Charles Scicluna ser imexxi mument ta’ talb u riflessjoni mill-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina, bit-tema ‘Seba’ Waqfiet ma’ Ġesù’. Dan ser jixxandar fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin u fuq mezzi ta’ komunikazzjoni soċjali oħra, fosthom fuq Net TV.

Din is-sena, flok is-Seba’ Visti fejn is-soltu isir pellegrinaġġ f’seba’ knejjes, l-Insara qed jiġu mistiedna biex bħad-dixxipli fl-aħħar lejl ma’ Ġesù, jishru miegħu. Permezz ta’ riżorsi diġitali ta’ talb li ħejjiet l-Arċidjoċesi ta’ Malta għal dawn il-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, it-test ta’ dan il-mument ta’ talb, kemm bil-Malti u wkoll bl-Ingliż, hu disponibbli online fuq soter.knisja.mt.

F’ħafna knejjes xorta intrama l-artal tar-repożizzjoni…bil-poplu mħeġġeġ jagħmel il-viżti fuq il-pjattaformi onlajn li għandhom il-parroċċi.

Dan kollu filwaqt li fil-Vatikan, fis-sitta ta’ filgħaxija Papa Franġisku ta bidu għar-riti tal-Għid fil-Bażilika ta’ San Pietru, il-post fejn ser issir kull ċerimonja f’dawn il-jiem kawża tal-Coronavirus.

Il-Papa saħaq li s-saċerdoti, mediċi, membri tas-sigurtà – huma l-qaddisin ġirien tagħna, qaddisin moderni mexjin fl-art. Huwa appella għas-saċerdoti sabiex ma jwebbsux rashom bħal Pietru iżda għandhom ikomplu jafdaw f’Alla sabiex itihom is-saħħa f’dan il-perjodu tant diffiċli.

Dawn iċ-ċelebrazzjonijiet jistgħu jiġu segwiti onlajn fuq Vatican Media jew fuq il-paġna uffiċjali ta’ Facebook.