Coronavirus Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

“Hemm bżonn ta’ sforz kollettiv biex noħorġu minn din il-kriżi” – David Sassoli

Hemm bżonn li l-Ewropa tagħti s-sehem kollu tagħha sabiex negħlbu dan il-mument mudlam li dħalna fih.

Hekk sostna l-President tal-Parlament Ewropew David Sassoli f’messaġġ b’rabta mal-laqgħa tal-Eurogrupp dwar il-bżonn ta’ soluzzjonijiet għall-pajjiżi Ewropej biex noħorġu minn din il-pandemija.

Huwa saħaq li ninsabu f’mument fejn lill-Unjoni Ewropea qed jappelawlha biex tagħmel aktar, “Hekk qed jitolbuna ċ-ċittadini, negozji, żgħażagħ u familji. inkwetati minħabba din il-kriżi u l-emerġenza ta’ saħħa li ser jeqirdu miljuni ta’ impjiegi”.

David Sassoli spjega li l-Ewropa diġa aġixxiet sabiex tikkumbatti din il-kriżi u saru interventi qawwija sabiex isostnu liċ-ċittadini u negozji tagħhom. Huwa saħaq li l-pajjiżi fejn ma ridux l-għajnuna tal-Ewropa, l-għajnuna hija waħda debboli jew ftit li xejn u għaldaqstant il-gvernijiet għandhom iġorru r-responsabbiltà tagħhom; “Dan huwa il-mument li grazzi għall-għodod tagħna negħlbu din l-emerġenza u nibdew pjan ta’ rikostruzzjoni”.

L-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol saħqet li 2.5 biljun persuna fid-dinja ser jintlaqtu minn effetti negattivi. Għaldaqstant, kompla Sassoli, għandna dmir li nsaħħu u ngħinu lill-Ewropa kollha, minn fuq s’isfel.

Huwa saħaq li s’issa l-Unjoni Ewropea wettqet diversi miżuri fosthom ir-rifinanzjament tal-Bank Ewropew tal-Investimenti mmirat primarjament lejn il-ħarsien tan-negozji żgħar u medji, kif ukoll il-likwidità bankajra għax-xiri ta’ bonds pubbliċi u privati. Iżda dan, kompla Sassoli, mhux biżżejjed.

Huwa spjega li hemm bżonn li jinħoloq fond iżda fejn dak li hemm bżonn l-baġit tal-UE mhux biżżejjed u talab sabiex isir sforz mill-istati membri sabiex jinstabu mezzi ġodda li jkunu kondiviżi finanzjarjament.

Huwa spjega li din mhux karità imma konvenjenza li jaqbel għal kulħadd, l-għaliex din il-kriżi ekonomika ser tkun qed tolqot lil kull wieħed u waħda minnha jekk ma nkunux responsabbli biżżejjed.

David Sassoli insista li ġaladarba jikkrolla pajjiż, tikkrolla l-Ewropa miegħu u għaldaqstant iċ-ċittadini Ewropej qed jistennew risposta denja mill-laqgħa tal-Grupp Ewroparlamentari. Huwa temm jghid li illum aktar minn qatt qabel l-Ewropa trid taġixxi għall-investiment tal-futur tagħna.