Coronavirus Ekonomija Lokali

Iktar ħaddiema taħt il-mannara – SĦPN

Ħafna kienu qed jistennew atteġġjament differenti min-naħa tal-Gvern fil-konfront ta’ dawk il-ħaddiema li qed jaffaċċjaw diffikultajiet f’dan iż-żmien partikolari. Issa kien imiss li jitkeċċew 108 bdot tal-Air Malta kif ukoll ħaddiema fil-manifattura li se jkunu fuq forced leave u ġimgħa mnaqqsa ta’ erbat ijiem.

Fost l-oħrajn ħafna minn dawn qed isaqsu għalfejn il-Gvern ma ħax l-eżempju ta’ dak li ġara meta pajjiżna bħall-kumplament tad-dinja kien għaddej mill-ikbar kriżi finanzjarja li qatt rat id-dinja u f’pajjiżna ħadd ma tilef l-impieg. Mhux talli hekk, talli bl-għajnuna diretta tal-Gvern lil dawk il-kumpaniji li kienu qegħdin f’diffikulta’ ġew salvati eluf kbar ta’ impiegi

Għandhom raġun il-ħaddiema li qed ikunu mitluba jagħmlu s-sagrifiċċji bħalissa isaqsu jekk il-management tal-kumpaniji tal-Gvern bħal persons of trust, l-ammont kbir ta’ konsulenti mal-Gvern u nies tal-qalba oħra hux qed jaffaċċjaw l-istess theddida jew tnaqqsitx fil-paga tagħhom sabiex tingħata lil dawk fil-bżonn.

X’għajnuna qed joffri l-Gvern lil dawn il-kumpaniji. Id-dawl, ilma u fuel baqgħu bi prezz għoli. La kien hemm tax rebates u wisq inqas tnaqqis fuq id-dazji, jew xi tip ta’ għajnuna diretta oħra li tgħinhom jaffaċċjaw dan il-mument. Wisq inqas se jkunu ppreparati sabiex meta noħorġu minn din is-sitwazzjoni jitilqu jiġru u mhux għad ikunu jridu jsibu saqajhom. X’se tagħmel l-Air Malta mingħajr bdoti u mingħajr cabin crew li twaqqfu riċentament?

Tajjeb infakkru li l-maġġoranza tal-ħaddiema inqatagħlhom l-overtime, tnaqqsitilhom il-paga, tilfu allowances jew saħansitra tilfu l-impieg jew kienu mġiegħla jagħlqu l-ħanut tagħhom. Oħrajn qed ikunu kostretti jmorru x-xogħol għax jafu li ħadd mhu se jagħmel tajjeb għalihom.

Huwa propju issa, f’dan il-mument li dawn il-ħaddiema u l-familji tagħhom iridu sostenn. Jidher ċar li mal-ewwel daqqa, pajjiżna mhux kapaċi jsostni lil kull min qed ibati. Saħanisitra l-Prim Ministru Robert Abela stess ikkonferma li mhux kull ħaddiem li għaddej mid-diffikultaijiet se jkun qed jingħata għajnuna mill-Gvern. Jidher ċar li l-priorità tal-Gvern hi kif se jidhru l-finanzi tiegħu.

L-SĦPN tesprimi solidarjetà ma tant mijiet ta’ ħaddiema li diġa’ qalgħu d-daqqa u oħrajn li jinsabu mdendlin. Tant ħaddiema ġol-fabbriki, fil-qasam tal-avjazzjoni, restoranti, lukandi bars, taxis, self-employed, tal-monti, ħwienet żgħar u tant u tant oħrajn.

L-SĦPN terġa’ ssellem ukoll lil dawk il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, fil-korpi dixxiplinati, delivery men, ħwienet li jbiegħu l-ikel, furnara, ġurnalisti u  tant oħrajn li xogħolhom huwa importanti f’dan il-mument u tirringrazzjahom f’dan il-mument sensittiv.