Coronavirus Lokali Saħħa

Il-maħżen tal-Valyou fin-Naxxar sanitizzat – Ħaddiem fil-maħżen ġie nfettat bil-Covid-19

“L-istorekeeper ma kellux kuntatt mal-klijenti”

Il-maħżen tal-Valyou fin-Naxxar ġie ssanitizzat nhar it-Tnejn li għadda, wara li ġie kkonfermat li wieħed mill-ħaddiema tal-maħzen, irriżulta pożittiv għal COVID-19.

Il-kumpanija immedjatament ħadet il-miżuri kollha biex tiżgura s-saħħa tal-ħaddiema u l-klijenti tagħha, taħt id-direzzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa, li taw parir li l-istabbiliment jista’ jibqa’ jopera wara li ttieħdu dawn il-miżuri ta’ sanità. Dan il-proċess ta’ sanitizzazzjoni ġie ċċertifikat ukoll minn kumpanija professjonali f’dan il-qasam.

L-impjegat kien storekeeper u ma kellu l-ebda kuntatt mal-klijenti. Kollegi tieghu fil-maħzen, li kellhom kuntatt dirett ma’ dan l-istess storekeeper, ingħataw kwarantina obbligatorja. Fl-istess waqt, il-kumpaniji kollha li magħhom kellu kuntatt riċenti, ġew avżati b’dan il-każ, kif issuġġerixxu l-awtoritajiet lokali.

Kemm il-maħżen kif ukoll is-supermarket innifsu ġew sanitizzati, minkejja li l-ħaddiem ma kienx daħal fis-supermarket, peress li dan kien jaħdem biss fil-maħżen. Dan sar bħala miżura ta’ prekawzjoni addizzjonali.

Il-ħaddiem ma’ kellu l-ebda sintomi ta’ deni

Ix-xahar li għadda, il-kumpanija ħarġet b’numru ta’ miżuri b’reazzjoni għal COVID-19, li waħda minnhom kienet li bdiet tiċċekkja t-temperatura tal-ħaddiema hekk kif kienu jaslu għax-xogħol. Il-ħaddiem affettwat ma wera l-ebda sintomi jew deni li tipikament huma assoċċjati mal-virus. Huwa ma daħalx għax-xogħol nhar il-Ħadd li għadda minħabba uġiegħ fl-istonku, u wara ġie identifikat bħala kaz pożittiv; u minn dak in-nhar ma reġgħax daħal għax-xogħol.

Fi stqarrija l-kumpanija spjegat li se tkompli tieħu kull miżura biex tiżgura s-sigurtaà tal-impjegati u l-klijenti tagħha u tenna li din hija l-prijorità ewlenija.